Artikolu 88
Ipproċessar fil-kuntest tal-impjiegi
1. L-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali ta' impjegati fil-kuntest tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta' min iħaddem jew il-klijent u għall-finijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta' drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-fini tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.
2. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġett tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment ta' data personali fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u s-sistemi ta' monitoraġġ fil-post tax-xogħol.
3. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
whereas
(52) Id-deroga mill-projbizzjoni dwar l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali għandha tkun permessa wkoll meta tkun prevista fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru u soġġett għal salvagwardji adatti, sabiex jiġu protetti d-data personali u drittijiet fundamentali oħra, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, b'mod partikolari l-ipproċessar ta' data personali fil-qasam tal-liġi tal-impjiegi, il-liġi tal-protezzjoni soċjali, inkluż il-pensjonijiet u għas-sigurtà tas-saħħa, għal finijiet ta' monitoraġġ u twissija, prevenzjoni u kontroll ta' mard li jittieħed u ta' theddid serju ieħor għas-saħħa.
Tali deroga tista' ssir għal finijiet ta' saħħa, inkluża s-saħħa pubblika u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment sabiex tkun żgurata l-kwalità u l-kosteffettività tal-proċeduri użati għat-tpaċija ta' talbiet għal benefiċċji u servizzi fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jew għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika.
Id-deroga għandha tippermetti wkoll l-ipproċessar ta' tali data personali fejn dan ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali, kemm jekk fi proċedimenti ġudizzjarji kif ukoll jekk fi proċedura amministrattiva jew extraġudizzjarja.
- = -
(127) Kull awtorità superviżorja li ma tkunx qed taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun kompetenti li tittratta każijiet lokali fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed, iżda s-suġġett tal-ipproċessar speċifiku jikkonċerna biss l-ipproċessar li jsir fi Stat Membru uniku u jinvolvi biss is-suġġetti tad-data f'dak l-Istat Membru uniku, pereżempju, fejn is-suġġett jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali tal-impjegati fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi ta' Stat Membru partikolari.
F'tali każijiet, l-awtorità superviżorja għandha tgħarraf lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni.
Wara li tiġi infurmata, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ skont id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtoritajiet superviżorja oħra kkonċernati (“il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz”), jew jekk l-awtorità superviżorja li infurmatha għandhiex tittratta l-każ fil-livell lokali.
Meta tkun qed tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis jekk hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li informatha sabiex tiżgura l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni vis-à-vis il-kontrollur jew il-proċessur.
Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmatha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta abbozz għal deċiżjoni, li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis bl-akbar reqqa meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha f'dak il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz.
- = -