search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'bil-liġi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 26

Kontrolluri konġunti

1.   Fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Huma għandhom b'mod trasparenti jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14, permezz ta' arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalihom il-kontrolluri jkunu soġġetti. L-arranġament jista' jaħtar punt ta' kuntatt għas-suġġetti tad-data.

2.   L-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrifletti kif xieraq ir-rwoli u relazzjonijiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti vis-à-vis is-suġġetti tad-data. L-essenza tal-arranġament għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data.

3.   Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta', u kontra, kull wieħed mill-kontrolluri

Artikolu 54

Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment ta' kull awtorità superviżorja;

(b)

il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa biex wieħed jinħatar membru ta' kull awtorità superviżorja;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja;

(d)

it-tul tal-mandat tal-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja ta' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara l-24 ta' Mejju 2016, li parti minnu jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak jinħtieġ għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma;

(e)

jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm-il mandat il-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja hu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid;

(f)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg.

2.   Il-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta' segretezza professjonali kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir ta' segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Kompetenza, kompiti u setgħat

Artikolu 58

Setgħat

1.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

(a)

li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(b)

li twettaq investigazzjonijiet fil-forma ta' awditi tal-protezzjoni tad-data;

(c)

li twettaq rieżami ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 42(7);

(d)

li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament;

(e)

li tikseb, mill-kontrollur u l-proċessur, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(f)

li tikseb aċċess għal kwalunkwe bini tal-kontrollur u l-proċessur, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezz għall-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.

2.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

(a)

li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta' pproċessar maħsuba x'aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(b)

li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta' pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(c)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;

(d)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta' pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, fejn xieraq, b'mod speċifiku u f'perijodu ta' żmien speċifiku;

(e)

li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data;

(f)

li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;

(g)

li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta' tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19;

(h)

li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni;

(i)

li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma', jew minflok il-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali;

(j)

li tordna s-sospensjoni ta' flussi ta' data lejn riċevitur f'pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.

3.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta' awtorizzazzjoni li ġejjin:

(a)

li tagħti parir lill-kontrollur f'konformità mal-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36;

(b)

li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali;

(c)

li tawtorizza l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 36(5), jekk il-liġi tal-Istat Membru teħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel;

(d)

li toħroġ opinjoni u tapprova abbozzi ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(5);

(e)

li takkredita korpi ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(f)

li toħroġ ċertifikazzjonijiet u tapprova kriterji ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 42(5);

(g)

li tadotta l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);

(h)

li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3);

(i)

li tawtorizza l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3);

(j)

li tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47.

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Karta.

5.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b'mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

6.   Kull Stat Membru jista' jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-Kapitolu VII.

Artikolu 88

Ipproċessar fil-kuntest tal-impjiegi

1.   L-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali ta' impjegati fil-kuntest tal-impjiegi, b'mod partikolari għall-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta' min iħaddem jew il-klijent u għall-finijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta' drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-fini tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.

2.   Dawk ir-regoli għandhom jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġett tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment ta' data personali fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u s-sistemi ta' monitoraġġ fil-post tax-xogħol.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.


whereas

dal 2004 diritto e informatica