(17) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament u applikati fid-dawl ta' dan ir-Regolament.
Sabiex ikun hemm qafas b'saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, l-adattamenti meħtieġa tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom jiġu wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, biex ikun hemm applikazzjoni fl-istess ħin bħal dan ir-Regolament.
- = -
(146) Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista' ssofri persuna b'riżultat ta' pproċessar li jikser dan ir-Regolament.
Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu.
Il-kunċett ta' dannu għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jissodisfa b'mod sħiħ l-objettivi ta' dan ir-Regolament.
Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta' regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.
L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f'konformità mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati f'konformità ma' dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta' dan ir-Regolament.
Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu.
Fejn il-kontrolluri jew il-proċessuri jiġu involuti fl-istess ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kollu.
Madankollu, fejn ikunu magħquda fl-istess proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, il-kumpens jista' jitqassam skont ir-responsabbiltà ta' kull kontrollur jew proċessur għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar, dment li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ u effettiv tas-suġġett tad-data li ġarrab id-dannu.
Kwalunkwe kontrollur jew proċessur li jkun ħallas kumpens sħiħ sussegwentement jista' jibda proċedimenti ta' rikors kontra kontrolluri jew proċessuri oħra involuti fl-istess ipproċessar.
- = -
(156) L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data skont dan ir-Regolament.
Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni sabiex jiġi żgurat, b'mod partikolari, il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data.
L-ipproċessar ulterjuri ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika għandu jitwettaq fejn il-kontrollur ikun evalwa l-fattibbiltà li jissodisfa dawk il-finijiet bl-ipproċessar ta' data personali li ma jippermettux jew ma jibqgħux jippermettu l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data, dment li jeżistu salvagwardji xierqa (bħal, pereżempju, il-psewdonimizzazzjoni tad-data).
L-Istati Membri għandhom jipprevedu salvagwardji xierqa għall-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika.
L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu, taħt kundizzjonijiet speċifiċi u soġġetti għal salvagwardji xierqa għas-suġġetti tad-data, speċifikazzjonijiet u derogi fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u drittijiet għar-rettifika, jew għat-tħassir,, li jintesew, għar-restrizzjoni tal-ipproċessar, ta' portabbiltà tad-data, u għall-oġġezzjoni meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika.
Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji inkwistjoni jistgħu jinvolvu proċeduri speċifiċi għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw dawk id-drittijiet jekk dan ikun xieraq fid-dawl tal-finijiet imfittxija mill-ipproċessar speċifiku flimkien ma' miżuri tekniċi u organizzattivi mmirati biex jimminimizzaw l-ipproċessar tad-data personali skont il-prinċipji ta' proporzjonalità u neċessità.
L-ipproċessar ta' data personali għal finijiet xjentifiċi għandu jikkonforma wkoll ma' leġiżlazzjoni rilevanti oħra bħal provi kliniċi.
- = -
(159) Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar.
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika għandu jkun interpretat b'mod wiesa' li jinkludi pereżempju l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni, ir-riċerka fundamentali, ir-riċerka applikata u r-riċerka ffinanzjata privatament u barra minn hekk għandu jieħu kont tal-objettiv tal-Unjoni skont l-Artikolu 179(1) tat-TFUE li tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka.
Finijiet ta' riċerka xjentifika għandhom jinkludu wkoll studji mwettqa fl-interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika.
Biex jintlaħqu l-ispeċifiċitajiet tal-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika, għandhom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi b'mod partikolari rigward il-pubblikazzjoni jew inkella l-iżvelar ta' data personali fil-kuntest ta' finijiet ta' riċerka xjentifika.
Jekk ir-riżultat ta' riċerka xjentifika b'mod partikolari fil-kuntest tas-saħħa jagħti raġuni għal aktar miżuri fl-interess tas-suġġett tad-data, ir-regoli ġenerali ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw fid-dawl ta' dawk il-miżuri.
- = -