search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tal-parlament' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index tal-parlament:


whereas tal-parlament:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 896

 

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(2)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(3)

“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(4)

“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;

(5)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(6)

“sistema ta' arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(7)

“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(8)

“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;

(9)

“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru m'għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

(10)

“parti terza” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;

(11)

“kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b'mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta' dikjarazzjoni jew permezz ta' azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta' data personali relatata miegħu;

(12)

“ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor;

(13)

data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b'mod partikolari, minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

(14)

data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

(15)

data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta' persuna fiżika, inkluża l-provvista ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta' saħħitha;

(16)

“stabbiliment ewlieni” tfisser:

(a)

fir-rigward ta' kontrollur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni u dan l-istabbiliment tal-aħħar ikollu s-setgħa li jesiġi l-implimentazzjoni ta' tali deċiżjonijiet, u f'dan il-każ l-istabbiliment li jkun ħa tali deċiżjonijiet għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni;

(b)

fir-rigward ta' proċessur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, jew, jekk il-proċessur ma jkollu l-ebda amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, l-istabbiliment tal-proċessur fl-Unjoni fejn isiru l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment tal-proċessur sa fejn il-proċessur ikun soġġett għal obbligi speċifiċi taħt dan ir-Regolament;

(17)

“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, maħtura bil-miktub mill-kontrollur jew mill-proċessur skont l-Artikolu 27, tirrappreżenta l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-obbligi rispettivi skont dan ir-Regolament;

(18)

“impriża” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, inkluż sħubiji jew assoċjazzjonijiet regolarment involuti f'attività ekonomika;

(19)

“grupp ta' impriżi” tfisser impriża li tikkontrolla u l-impriżi kkontrollati minnha;

(20)

“regoli korporattivi vinkolanti” tfisser politiki ta' protezzjoni tad-data personali li jiġu sodisfatti minn kontrollur jew proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru għal trasferimenti jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lil kontrollur jew proċessur f'pajjiż terz wieħed jew aktar fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta;

(21)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51;

(22)

“awtorità superviżorja kkonċernata” tfisser awtorità superviżorja li tkun ikkonċernata bl-ipproċessar ta' data personali peress li:

(a)

il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja;

(b)

is-suġġetti tad-data li jgħixu fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja jiġu affettwati sostanzjalment jew x'aktarx li jkunu ser jiġu affettwati sostanzjalment mill-ipproċessar; jew

(c)

ikun tressaq ilment quddiem dik l-awtorità superviżorja;

(23)

“ipproċessar transkonfinali” tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbilimenti f'iktar minn Stat Membru wieħed ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x'aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.

(24)

“oġġezzjoni rilevanti u motivata” tfisser oġġezzjoni għal abbozz ta' deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament, jew jekk azzjoni maħsuba fir-rigward tal-kontrollur jew il-proċessur tkunx konformi ma' dan ir-Regolament, li turi b'mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta' deċiżjoni rigward id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u fejn applikabbli, iċ-ċirkolazzjoni libera ta' data personali fi ħdan l-Unjoni;

(25)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(26)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.

KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 43

Korpi ta' ċertifikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:

(a)

l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56;

(b)

il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

2.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:

(a)

wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord;

(c)

stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data;

(d)

stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(e)

wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.

4.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.

5.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.

6.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).

9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

KAPITOLU V

Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 76

Kunfidenzjalità

1.   Id-diskussjonijiet tal-Bord għandhom ikunu kunfidenzjali fejn il-Bord iqis li dan ikun meħtieġ, kif previst fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

2.   L-aċċess għal dokumenti sottomessi lill-membri tal-Bord, lill-esperti u lir-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

KAPITOLU VIII

Rimedji, responsabbiltà u pieni

Artikolu 92

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu mhux determinat mill-24 ta' Mejju 2016.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ il-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perijodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 97

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-25 ta' Mejju 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament ta':

(a)

il-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament u deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

il-Kapitolu VII dwar kooperazzjoni u konsistenza.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-parlament Ewropew, u tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi tieħu kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.

Artikolu 99

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016.

(4)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u l-moviment liberu ta' dik id-data u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ara l-paġna 89 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Direttiva 2000/31/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)( ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(9)  Direttiva 2011/24/UE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(11)  Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p.1).

(14)  Direttiva 2003/98/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p.90).

(15)  Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158 27.5.2014, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(17)  ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.

(18)  Direttiva 2002/58/KE tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p.37).

(19)  Direttiva (UE) 2015/1535 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(20)  Regolament (KE) 765/2008 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(21)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


whereas

dal 2004 diritto e informatica