interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- personali 30
- tad-data 30
- fejn 22
- għandu 21
- data 15
- il-kontrollur 14
- tal-ipproċessar 14
- minn 13
- biex 13
- l-ipproċessar 13
- għal 13
- tal-kontrollur 12
- msemmija 11
- d-data 11
- applikabbli 11
- ikun 10
- l-informazzjoni 10
- jekk 10
- ieħor 10
- il-proċessur 9
- proċessur 9
- xierqa 8
- lill-kontrollur 8
- legali 8
- l-artikolu 8
- organizzazzjoni 7
- internazzjonali 7
- tkun 7
- stat 7
- tal-unjoni 7
- membru 7
- inkluż 7
- organizzattivi 7
- fl-artikolu 7
- tekniċi 7
- miżuri 6
- kontrollur 6
- pproċessar 6
- skont 6
- jkun 6
- terz 6
- il-liġi 5
- ukoll 5
- ir-regolament 5
- fil-każ 5
- trasferimenti 5
- tiġi 5
- disponibbli 5
- informazzjoni 5
- tas-suġġett 5
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli; |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(c) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(e) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(f) | minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku; |
(g) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) | fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali; |
(b) | jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew |
(c) | jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba. |
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
(a) | is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni; |
(b) | il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku; |
(c) | il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew |
(d) | fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza. |
Artikolu 25
Protezzjoni ta' data mid-disinn u b'mod awtomatiku
1. Wara li jikkunsidra l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, il-kontrollur għandu, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
2. Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta' persuni fiżiċi.
3. Jista' jintuża mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat skont l-Artikolu 42 bħala element li juri l-osservanza tar-rekwiżiti mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 28
Proċessur
1. Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.
2. Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.
3. L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:
(a) | jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku; |
(b) | jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità; |
(c) | jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32; |
(d) | jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor; |
(e) | jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III; |
(f) | jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur; |
(g) | fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen; |
(h) | jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur. |
Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.
4. Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.
5. Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.
6. Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.
7. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
8. Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.
9. Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.
10. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.
Artikolu 30
Reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar
1. Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) | l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(b) | il-finijiet tal-ipproċessar; |
(c) | deskrizzjoni tal-kategoriji ta' suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta' data personali; |
(d) | il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(e) | fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa; |
(f) | fejn ikun possibbli, il-limiti ta' żmien imbassrin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta' data; |
(g) | fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1). |
2. Kull proċessur u, fejn applikabbli, rappreżentant tal-proċessur għandhom iżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f'isem kontrollur, li jkun fih:
(a) | l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur jew proċessuri u ta' kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f'ismu, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(b) | il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f'isem kull kontrollur; |
(c) | fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa; |
(d) | fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1). |
3. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.
4. Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.
5. L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal impriża jew organizzazzjoni li timpjega inqas minn 250 persuna ħlief jekk l-ipproċessar li twettaq x'aktarx jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar mhuwiex okkażjonali, jew l-ipproċessar jinkludi kategoriji speċjali ta' data kif imsemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.
whereas
dal 2004 diritto e informatica