search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tliet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 42

Ċertifikazzjoni

1.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu, b'mod partikolari fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament ta' attivitajiet ta' pproċessar mill-kontrolluri u mill-proċessuri. Għandu jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Minbarra l-aderenza minn kontrolluri jew proċessuri soġġetti għal dan ir-Regolament, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data, siġilli jew marki approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-għan li tintwera l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa pprovduti minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 fil-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u infurzabbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew legalment vinkolanti oħrajn, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun volontarja u disponibbli permezz ta' proċess li jkun trasparenti.

4.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu ma tnaqqasx ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament u huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tinħareġ mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fejn il-kriterji huma approvati mill-Bord, dan jista' jirriżulta f'ċertifikazzjoni komuni, is-Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

6.   Il-kontrollur jew il-proċessur li jissottometti l-ipproċessar tiegħu għall-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jipprovdi lill-korp ta' ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 43, jew fejn applikabbli, l-awtorità superviżorja kompetenti, bl-informazzjoni kollha u l-aċċess għall-attivitajiet ta' pproċessar tiegħu li huma meħtieġa biex titwettaq il-proċedura ta' ċertifikazzjoni.

7.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tinħareġ lil kontrollur jew proċessur għal perijodu massimu ta' tliet snin u tista' tiġġedded, skont l-istess kondizzjonijiet, sakemm jibqgħu jiġu sodisfatti r-rekwiżiti rilevanti. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rtirata, fejn applikabbli, mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti fejn ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni.

8.   Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u s-siġilli u l-marki għall-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq.

Artikolu 56

Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.   Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.   Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.

Artikolu 66

Proċedura ta' urġenza

1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista', b'deroga mill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b'perijodu speċifikat ta' validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.

2.   Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b'mod urġenti, hija tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni.

3.   Kwalunkwe awtorità superviżorja tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti, skont kif ikun il-każ, mill-Bord fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f'sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni, inkluż għall-ħtieġa urġenti ta' azzjoni.

4.   B'deroga mill-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 65(2), opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata fi żmien ġimagħtejn permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord.

Artikolu 78

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità superviżorja li tikkonċernaha.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.

3.   Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.

4.   Fejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta' awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta' konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti.

Artikolu 92

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu mhux determinat mill-24 ta' Mejju 2016.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ il-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perijodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas

dal 2004 diritto e informatica