search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'mill-bord' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index mill-bord:


whereas mill-bord:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 968

 

Artikolu 42

Ċertifikazzjoni

1.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu, b'mod partikolari fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament ta' attivitajiet ta' pproċessar mill-kontrolluri u mill-proċessuri. Għandu jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Minbarra l-aderenza minn kontrolluri jew proċessuri soġġetti għal dan ir-Regolament, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data, siġilli jew marki approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-għan li tintwera l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa pprovduti minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 fil-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u infurzabbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew legalment vinkolanti oħrajn, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun volontarja u disponibbli permezz ta' proċess li jkun trasparenti.

4.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu ma tnaqqasx ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament u huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tinħareġ mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti jew mill-bord, skont l-Artikolu 63. Fejn il-kriterji huma approvati mill-bord, dan jista' jirriżulta f'ċertifikazzjoni komuni, is-Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

6.   Il-kontrollur jew il-proċessur li jissottometti l-ipproċessar tiegħu għall-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jipprovdi lill-korp ta' ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 43, jew fejn applikabbli, l-awtorità superviżorja kompetenti, bl-informazzjoni kollha u l-aċċess għall-attivitajiet ta' pproċessar tiegħu li huma meħtieġa biex titwettaq il-proċedura ta' ċertifikazzjoni.

7.   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tinħareġ lil kontrollur jew proċessur għal perijodu massimu ta' tliet snin u tista' tiġġedded, skont l-istess kondizzjonijiet, sakemm jibqgħu jiġu sodisfatti r-rekwiżiti rilevanti. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rtirata, fejn applikabbli, mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti fejn ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni.

8.   Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u s-siġilli u l-marki għall-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq.

Artikolu 43

Korpi ta' ċertifikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:

(a)

l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56;

(b)

il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

2.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:

(a)

wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord;

(c)

stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data;

(d)

stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(e)

wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.

4.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.

5.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.

6.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).

9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

KAPITOLU V

Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 61

Assistenza reċiproka

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.

4.   L-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:

(a)

mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba.

5.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.

6.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-bord skont l-Artikolu 66(2).

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 62

Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta' infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra.

2.   Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f'diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed x'aktarx li jkun affettwat b'mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta' pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) jew (4) għandha tistieden lill-awtorità superviżorja ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti u għandha twieġeb mingħajr dewmien għat-talba ta' awtorità superviżorja biex tipparteċipa fihom.

3.   Awtorità superviżorja tista', f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, u bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja li tissekonda, tikkonferixxi setgħat, inklużi setgħat investigattivi fuq il-membri jew il-persunal involuti f'operazzjonijiet konġunti tal-awtorità superviżorja li tissekonda jew, sa fejn tippermetti l-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti, tippermetti lill-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda. Tali setgħat investigattivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u fil-preżenza ta' membri jew persunal tal-awtorità superviżorja ospitanti. Il-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti.

4.   Fejn, f'konformità mal-paragrafu 1, il-persunal ta' awtorità superviżorja li tissekonda jopera fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti għandu jassumi r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, inkluża l-imputabbiltà, għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom matul l-operazzjonijiet tiegħu, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jopera.

5.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie kkawżat id-dannu għandu jagħmel tajjeb għal tali dannu bil-kondizzjonijiet applikabbli għad-dannu kkawżat mill-persunal tiegħu stess. L-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda li l-persunal tagħha jkun ikkawża dannu lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-persuni intitolati f'isimhom.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, kull Stat Membru għandu jibqa' lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimborż minn Stat Membru ieħor relattivament għal danni msemmija fil-paragrafu 4.

7.   Fejn tkun maħsuba operazzjoni konġunta u awtorità superviżorja ma tikkonformax fi żmien xahar mal-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji l-oħra jistgħu jadottaw miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru li hija kompetenti għalih f'konformità mal-Artikolu 55. F'dak il-każ, il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti skont l-Artikolu 66(1) għandu jkun preżunt li hija sodisfatta u teħtieġ opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-bord skont l-Artikolu 66(2).

Taqsima 2

Konsistenza

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 65

Soluzzjoni għat-tilwim mill-bord

1.   Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

(c)

fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.

3.   Fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.

4.   L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.

Artikolu 66

Proċedura ta' urġenza

1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista', b'deroga mill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b'perijodu speċifikat ta' validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.

2.   Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b'mod urġenti, hija tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni.

3.   Kwalunkwe awtorità superviżorja tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti, skont kif ikun il-każ, mill-bord fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f'sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni, inkluż għall-ħtieġa urġenti ta' azzjoni.

4.   B'deroga mill-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 65(2), opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata fi żmien ġimagħtejn permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord.

Artikolu 70

Kompiti tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b'mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:

(a)

jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

(b)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament;

(c)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti;

(d)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links, kopji jew repliki ta' data personali minn servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 17(2);

(e)

jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament;

(f)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili skont l-Artikolu 22(2);

(g)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment tal-ksur tad-data personali u d-determinazzjoni tad-dewmien żejjed imsemmi fl-Artikolu 33(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika il-ksur ta' data personali;

(h)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom ksur tad-data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 34(1).

(i)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali bbażati fuq regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-kontrolluri u regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-proċessuri u fuq rekwiżiti meħtieġa oħra biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data kkonċernati msemmija fl-Artikolu 47;

(j)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali abbażi tal-Artikolu 49(1);

(k)

ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(1), (2) u (3) u l-istabbiliment ta' multi amministrattivi skont l-Artikolu 83;

(l)

jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (e) u (f);

(m)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment ta' proċeduri komuni għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 54(2);

(n)

jinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tad-data u siġilli u marki għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikoli 40 u 42;

(o)

iwettaq l-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni u r-rieżami perjodiku tiegħu skont l-Artikolu 43 u jżomm reġistru pubbliku ta' korpi akkreditati skont l-Artikolu 43(6) u tal-kontrolluri jew il-proċessuri akkreditati stabbiliti f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 42(7);

(p)

jispeċifika r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 43(3) bil-ħsieb tal-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 42;

(q)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(8);

(r)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar l-ikoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(s)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi valutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għall-valutazzjoni jekk pajjiż terz jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ikunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha, inkluża korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali.

(t)

joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet superviżorji skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 64(1), dwar kwistjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 64(2) u joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65, inklużi dawk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66;

(u)

jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji;

(v)

jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

(w)

jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha.

(x)

joħroġ opinjonijiet dwar il-kodiċijiet ta' kondotta mfassla fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 40(9); u

(y)

iżomm reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u qrati dwar kwistjonijiet ttrattati fil-mekkaniżmu ta' konsistenza.

2.   Fejn il-Kummissjoni titlob parir mill-bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, filwaqt li tieħu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.

3.   Il-Bord għandu jibgħat l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 93 u jagħmilhom pubbliċi.

4.   Il-Bord għandu, fejn xieraq, jikkonsulta l-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità li jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-Bord għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76, jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni.

Artikolu 74

Kompiti tal-President

1.   Il-President għandu l-kompiti li ġejjin:

(a)

ilaqqa' l-laqgħat tal-Bord u jħejji l-aġenda tiegħu;

(b)

jinnotifika d-deċiżjonijiet adottati mill-bord skont l-Artikolu 58a lill-awtorità superviżorja ewlenija u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati;

(c)

jiżgura t-twettiq fil-ħin tal-kompiti tal-Bord, b'mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

2.   Il-Bord għandu jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-kompiti bejn il-President u l-viċi presidenti fir-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 75

Segretarjat

1.   Il-Bord għandu jkollu segretarjat, li jiġi pprovdut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Is-segretarjat għandu jwettaq il-kompiti tiegħu esklużivament taħt l-istruzzjonijiet tal-President tal-Bord.

3.   Il-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal linji ta' rappurtar separati mill-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuq il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

4.   Fejn xieraq, il-Bord u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw Memorandum ta' Qbil li jimplimenta dan l-Artikolu, jiddetermina t-termini tal-kooperazzjoni tagħhom, u applikabbli għall-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament.

5.   Is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ analitiku, amministrattiv u loġistiku lill-Bord.

6.   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli b'mod partikolari:

(a)

għax-xogħol ta' kuljum tal-Bord;

(b)

għall-komunikazzjoni bejn il-membri tal-Bord, il-President tiegħu u l-Kummissjoni;

(c)

għall-komunikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra u mal-pubbliku;

(d)

għall-użu ta' mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni interna u esterna;

(e)

għat-traduzzjoni ta' informazzjoni rilevanti;

(f)

għat-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Bord;

(g)

għat-tħejjija, l-abbozzar u l-pubblikazzjoni ta' opinjonijiet u deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta' tilwim bejn awtoritajiet superviżorji u testi oħra adottati mill-bord.


whereas

dal 2004 diritto e informatica