interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- skont 22
- l-artikolu 16
- tad-data 15
- ir-regolament 14
- superviżorja 13
- dwar 9
- ċertifikazzjoni 9
- awtorità 9
- tordna 8
- konformità 8
- għandu 8
- oħra 8
- fejn 7
- personali 7
- għal 7
- membru 7
- kwalunkwe 6
- kull 6
- fl-artikolu 6
- twettaq 6
- lill-kontrollur 6
- msemmija 6
- tapprova 6
- korp 5
- kollha 5
- tal-istat 5
- minn 5
- jkollha 5
- kondotta 5
- fil-punt 5
- tawtorizza 4
- informazzjoni 4
- l-awtorità 4
- tiegħu 4
- tagħti 4
- jekk 4
- xieraq 4
- l-artikolu 4
- l-klawżoli 4
- tal-artikolu 4
- imsemmija 4
- pproċessar 4
- timponi 3
- kuntrattwali 3
- tipprovdi 3
- data 3
- kodiċijiet 3
- protezzjoni 3
- tal-kompiti 3
- inkluż 3
Artikolu 57
Kompiti
1. Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
(a) | timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; |
(b) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika; |
(c) | tagħti pariri, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar; |
(d) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament; |
(e) | fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan; |
(f) | tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra; |
(g) | tikkoopera ma', inkluż bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament; |
(h) | twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra; |
(i) | timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali; |
(j) | tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2); |
(k) | tistabbilixxi u żżomm lista b'rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4); |
(l) | tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2); |
(m) | tinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta' kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5); |
(n) | tħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5); |
(o) | fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 42(7); |
(p) | tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(q) | twettaq l-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(r) | tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3); |
(s) | tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47; |
(t) | tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord; |
(u) | iżżomm reġistru intern tal-ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u |
(v) | twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali. |
2. Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b'miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta' komunikazzjoni.
3. It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.
4. F'każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista' timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.
Artikolu 58
Setgħat
1. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:
(a) | li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha; |
(b) | li twettaq investigazzjonijiet fil-forma ta' awditi tal-protezzjoni tad-data; |
(c) | li twettaq rieżami ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 42(7); |
(d) | li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament; |
(e) | li tikseb, mill-kontrollur u l-proċessur, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha; |
(f) | li tikseb aċċess għal kwalunkwe bini tal-kontrollur u l-proċessur, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezz għall-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru. |
2. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:
(a) | li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta' pproċessar maħsuba x'aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament; |
(b) | li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta' pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament; |
(c) | li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament; |
(d) | li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta' pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, fejn xieraq, b'mod speċifiku u f'perijodu ta' żmien speċifiku; |
(e) | li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data; |
(f) | li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar; |
(g) | li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta' tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19; |
(h) | li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni; |
(i) | li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma', jew minflok il-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali; |
(j) | li tordna s-sospensjoni ta' flussi ta' data lejn riċevitur f'pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali. |
3. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta' awtorizzazzjoni li ġejjin:
(a) | li tagħti parir lill-kontrollur f'konformità mal-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36; |
(b) | li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali; |
(c) | li tawtorizza l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 36(5), jekk il-liġi tal-Istat Membru teħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel; |
(d) | li toħroġ opinjoni u tapprova abbozzi ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(5); |
(e) | li takkredita korpi ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(f) | li toħroġ ċertifikazzjonijiet u tapprova kriterji ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 42(5); |
(g) | li tadotta l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2); |
(h) | li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); |
(i) | li tawtorizza l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3); |
(j) | li tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47. |
4. L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Karta.
5. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b'mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
6. Kull Stat Membru jista' jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-Kapitolu VII.
whereas
dal 2004 diritto e informatica