interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- skont 38
- superviżorja 31
- tad-data 30
- l-artikolu 29
- dwar 27
- ir-regolament 24
- superviżorji 22
- msemmija 20
- għal 19
- għandha 18
- fl-artikolu 18
- minn 18
- personali 16
- kondotta 16
- għandhom 15
- konformità 14
- oħra 14
- fejn 13
- għandu 12
- prattiki 12
- kodiċi 11
- informazzjoni 11
- l-aħjar 11
- biex 11
- joħroġ 11
- gwida 11
- kwalunkwe 10
- awtorità 10
- l-awtorità 10
- partikolari 10
- linji 9
- l-applikazzjoni 9
- il-paragrafu 9
- data 9
- vinkolanti 8
- rakkomandazzjonijiet 8
- ċertifikazzjoni 8
- tiegħu 8
- tista 8
- fil-paragrafu 8
- xierqa 7
- inkluż 7
- tipprovdi 7
- lill-kummissjoni 7
- talba 7
- reċiproka 7
- l-awtoritajiet 7
- imsemmi 7
- l-informazzjoni 6
- applikabbli 6
Artikolu 36
Konsultazzjoni minn qabel
1. Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.
2. Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.
3. Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja
(a) | fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi; |
(b) | bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub; |
(c) | bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament; |
(d) | fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(e) | bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u |
(f) | bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja. |
4. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.
5. Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.
Artikolu 40
Kodiċijiet ta' kondotta
1. L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.
2. Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta' kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta':
(a) | l-ipproċessar ġust u trasparenti; |
(b) | l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrolluri f'kuntesti speċifiċi; |
(c) | il-ġbir tad-data personali; |
(d) | il-psewdonimizzazzjoni ta' data personali; |
(e) | l-informazzjoni provduta lill-pubbliku u lis-suġġetti tad-data; |
(f) | l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; |
(g) | l-informazzjoni provduta lil, u l-protezzjoni ta', minorenni, u l-mod kif jinkiseb il-kunsens tad-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenituri fir-rigward ta' minorenni; |
(h) | il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 24 u 25 u l-miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 32; |
(i) | in-notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet superviżorji u l-komunikazzjoni ta' tali ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data; |
(j) | trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jew |
(k) | proċeduri barra l-qorti u proċeduri oħrajn ta' riżoluzzjoni ta' tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-kontrolluri u s-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 77 u 79. |
3. Minbarra l-konformità mill-kontrolluri jew il-proċessuri suġġett għal dan ir-Regolament, il-kodiċijiet ta' kondotta approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u li jkollhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu jistgħu wkoll jiġu osservati minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 sabiex jipprovdu salvagwardji xierqa fi ħdan il-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u eżegwibbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħra, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
4. Kodiċi ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun fih mekkaniżmi li jippermettu lill-korp imsemmi fl-Artikolu 41(1) biex iwettaq il-monitoraġġ obbligatorju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-kontrolluri jew il-proċessuri li japplikawh, mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.
5. L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta' kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.
6. Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5 tapprova l-abbozz ta' kodiċi, jew l-emenda jew l-estensjoni, u fejn il-kodiċi ta' kondotta konċernat mhux marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja għandha tirreġistra u tippubblika l-kodiċi.
7. Fejn abbozz ta' kodiċi ta' kondotta huwa marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja li hi kompetenti skont l-Artikolu 55 għandha, qabel ma tapprova l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, tippreżentahom fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 63 lill-Bord li għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jipprovdux salvagwardji xierqa.
8. Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 7 tikkonferma li l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, jew, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jipprovdu salvagwardji xierqa, il-Bord għandu jippreżenta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.
9. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi jew l-estensjonijiet approvati ppreżentati lilha skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).
10. Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-reklamar xieraq għall-kodiċijiet approvati li jkun ġie deċiż li għandhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9.
11. Il-Bord għandu jiġbor il-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi u l-estensjonijiet kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku b'mezzi xierqa.
Artikolu 57
Kompiti
1. Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
(a) | timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; |
(b) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika; |
(c) | tagħti pariri, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar; |
(d) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament; |
(e) | fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan; |
(f) | tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra; |
(g) | tikkoopera ma', inkluż bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament; |
(h) | twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra; |
(i) | timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali; |
(j) | tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2); |
(k) | tistabbilixxi u żżomm lista b'rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4); |
(l) | tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2); |
(m) | tinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta' kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5); |
(n) | tħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5); |
(o) | fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 42(7); |
(p) | tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(q) | twettaq l-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(r) | tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3); |
(s) | tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47; |
(t) | tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord; |
(u) | iżżomm reġistru intern tal-ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u |
(v) | twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali. |
2. Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b'miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta' komunikazzjoni.
3. It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.
4. F'każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista' timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.
Artikolu 61
Assistenza reċiproka
1. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.
2. Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.
3. It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.
4. L-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:
(a) | mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew |
(b) | il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba. |
5. L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.
6. L-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.
7. L-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.
8. Fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).
9. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
Artikolu 70
Kompiti tal-Bord
1. Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b'mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:
(a) | jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali; |
(b) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament; |
(c) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti; |
(d) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links, kopji jew repliki ta' data personali minn servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 17(2); |
(e) | jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament; |
(f) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili skont l-Artikolu 22(2); |
(g) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment tal-ksur tad-data personali u d-determinazzjoni tad-dewmien żejjed imsemmi fl-Artikolu 33(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika il-ksur ta' data personali; |
(h) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom ksur tad-data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 34(1). |
(i) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali bbażati fuq regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-kontrolluri u regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-proċessuri u fuq rekwiżiti meħtieġa oħra biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data kkonċernati msemmija fl-Artikolu 47; |
(j) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali abbażi tal-Artikolu 49(1); |
(k) | ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(1), (2) u (3) u l-istabbiliment ta' multi amministrattivi skont l-Artikolu 83; |
(l) | jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (e) u (f); |
(m) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment ta' proċeduri komuni għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 54(2); |
(n) | jinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tad-data u siġilli u marki għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikoli 40 u 42; |
(o) | iwettaq l-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni u r-rieżami perjodiku tiegħu skont l-Artikolu 43 u jżomm reġistru pubbliku ta' korpi akkreditati skont l-Artikolu 43(6) u tal-kontrolluri jew il-proċessuri akkreditati stabbiliti f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 42(7); |
(p) | jispeċifika r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 43(3) bil-ħsieb tal-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 42; |
(q) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(8); |
(r) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar l-ikoni msemmija fl-Artikolu 12(7); |
(s) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi valutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għall-valutazzjoni jekk pajjiż terz jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ikunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha, inkluża korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali. |
(t) | joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet superviżorji skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 64(1), dwar kwistjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 64(2) u joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65, inklużi dawk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66; |
(u) | jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji; |
(v) | jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(w) | jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha. |
(x) | joħroġ opinjonijiet dwar il-kodiċijiet ta' kondotta mfassla fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 40(9); u |
(y) | iżomm reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u qrati dwar kwistjonijiet ttrattati fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. |
2. Fejn il-Kummissjoni titlob parir mill-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, filwaqt li tieħu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.
3. Il-Bord għandu jibgħat l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 93 u jagħmilhom pubbliċi.
4. Il-Bord għandu, fejn xieraq, jikkonsulta l-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità li jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-Bord għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76, jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni.
whereas
dal 2004 diritto e informatica