search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tal-kodiċi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas tal-kodiċi:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 361

 

Artikolu 41

Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-monitoraġġ tal-konformità ma' kodiċi ta' kondotta skont l-Artikolu 40, jista' jitwettaq minn korp li għandu l-livell xieraq ta' għarfien espert b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi u huwa akkreditat għal dak il-għan mill-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   Korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi akkreditat biex jimmonitorja konformita' ma' kodiċi ta' kondotta fejn dak il-korp:

(a)

ikun wera l-indipendenza u l-għarfien espert tiegħu b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

ikun stabbilixxa proċeduri li jippermettu li jivvaluta l-eliġibbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati bl-applikazzjoni tal-kodiċi, biex jissorveljaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu u biex iwettqu rieżami tal-attività tiegħu b'mod perjodiku;

(c)

ikun stabbilixxa proċeduri u strutturi biex jittratta lmenti dwar ksur tal-kodiċi jew il-mod li bih il-kodiċi ġie, jew qed jiġi, implimentat minn kontrollur jew proċessur, u biex dawk il-proċeduri u strutturi jkunu trasparenti għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(d)

huwa wera għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti li l-kompiti u d-dmirijiet tiegħu ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tippreżenta l-abbozz ta' kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Bord skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti u għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu, soġġett għas-salvagwardji xierqa, jieħu azzjoni xierqa f'każijiet ta' ksur tal-kodiċi minn kontrollur jew proċessur, inkluż is-sospensjoni jew l-esklużjoni tal-kontrollur jew proċessur kkonċernat mill-kodiċi. Huwa għandu jinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti b'dawn l-azzjonijiet u r-raġunijiet għaliex ittieħdu.

5.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tirrevoka l-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux milħuqa jew m'għadhomx jintlaħqu jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp jiksru dan ir-Regolament.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi.

Artikolu 57

Kompiti

1.   Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:

(a)

timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika;

(c)

tagħti pariri, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;

(d)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament;

(e)

fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;

(f)

tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(g)

tikkoopera ma', inkluż bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament;

(h)

twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;

(i)

timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali;

(j)

tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);

(k)

tistabbilixxi u żżomm lista b'rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(l)

tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2);

(m)

tinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta' kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5);

(n)

tħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5);

(o)

fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 42(7);

(p)

tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(q)

twettaq l-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(r)

tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3);

(s)

tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47;

(t)

tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord;

(u)

iżżomm reġistru intern tal-ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u

(v)

twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b'miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta' komunikazzjoni.

3.   It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

4.   F'każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista' timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.


whereas

dal 2004 diritto e informatica