Artikolu 12
Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data
1. Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.
2. Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.
4. Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.
5. L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:
(a) | jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew |
(b) | jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba. |
Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.
7. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.
Taqsima 2
Informazzjoni u aċċess għad-data personali
Artikolu 77
Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja
1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b'mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.
2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.
whereas
(23) Sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi ma jinċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha skont dan ir-Regolament, l-ipproċessar ta' data personali ta' suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni, għandu jkun soġġett għal dan ir-Regolament fejn l-attivitajiet ta' pproċessar ikunu relatati mal-offerta ta' prodotti jew servizzi lil dawn is-suġġetti tad-data irrispettivament minn jekk dawn ikunux marbutin ma' ħlas jew le.
Sabiex jiġi determinat jekk tali kontrollur jew proċessur ikunx qiegħed joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data li jinsabu fl-Unjoni, għandu jiġi aċċertat jekk ikunx jidher li l-kontrollur jew proċessur ikun qiegħed jipprevedi li joffri servizzi lil suġġetti tad-data fi Stat Membru wieħed jew aktar fl-Unjoni.
Filwaqt li s-sempliċi aċċessibbiltà għas-sit elettroniku tal-kontrollur, tal-proċessur jew ta' intermedjarju fl-Unjoni, jew għall-indirizz elettroniku jew għad-dettalji ta' kuntatt oħrajn, jew l-użu ta' lingwa użata b'mod ġenerali fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit il-kontrollur, mhijiex biżżejjed biex tiġi aċċertata tali intenzjoni, fatturi bħall-użu ta' lingwa jew munita użati b'mod ġenerali fi Stat Membru wieħed jew aktar bil-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti u servizzi f'dik il-lingwa, jew ir-referenza għal klijenti jew utenti li jinsabu fl-Unjoni, jistgħu juru li l-kontrollur biħsiebu joffri prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni.
- = -
(88) Waqt l-istabbiliment ta' regoli dettaljati dwar il-format u l-proċeduri applikabbli għan-notifika ta' vjolazzjoni ta' data personali, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi ta' dik il-vjolazzjoni, inkluż jekk id-data personali kinitx protetta b'miżuri adatti ta' protezzjoni teknika, li jnaqqsu b'mod effettiv il-possibbiltà ta' frodi tal-identità jew forom oħra ta' użu ħażin.
Barra minn hekk, dawn ir-regoli u l-proċeduri għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fejn l-iżvelar bikri jista' jxekkel mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkostanzi ta' vjolazzjoni ta' data personali.
- = -
(109) Il-possibbiltà għall-kontrollur jew għall-proċessur li juża klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja la għandha tipprevjeni l-kontrolluri jew il-proċessuri milli jinkludu l-klawżoli standard dwar il-protezzjoni tad-data f'kuntratt usa', bħal kuntratt bejn il-proċessur u proċessur ieħor, u lanqas ma għandha tipprevjenihom milli jżidu klawżoli oħrajn jew salvagwardji addizzjonali sakemm ma jikkontradixxux, b'mod dirett jew indirett, il-klawżoli kuntrattwali standard adottati mill-Kummissjoni jew minn awtorità superviżorja jew jippreġudikaw id-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data.
Il-kontrolluri u l-proċessuri għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu salvagwardji addizzjonali permezz ta' impenji kuntrattwali li jissupplimentaw il-klawżoli ta' protezzjoni standard.
- = -
(111) Għandha tiġi prevista l-possibbiltà ta' trasferimenti f'ċerti ċirkostanzi fejn is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens espliċitu tiegħu, fejn it-trasferiment ikun okkażjonali u neċessarju fir-rigward ta' kuntratt jew talba legali, irrispettivament minn jekk dan ikunx fi proċedura ġudizzjarja jew fi proċedura amministrattiva jew extraġudizzjarja, inklużi proċeduri quddiem korpi regolatorji.
Għandha tkun prevista l-possibbiltà ta' trasferimenti fejn dawn ikunu meħtieġa minn raġunijiet importanti ta' interess pubbliku stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew fejn it-trasferiment isir minn reġistru stabbilit bil-liġi u maħsub għall-konsultazzjoni mill-pubbliku jew minn persuni li jkollhom interess leġittimu.
F'dan l-aħħar każ dan it-trasferiment ma għandux jinvolvi d-data personali kollha jew kategoriji sħaħ tad-data li tinsab fir-reġistru u, meta r-reġistru huwa maħsub għall-konsultazzjoni mill-pubbliku jew persuni li jkollhom interess leġittimu, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta' dawk il-persuni jew, jekk sejrin ikunu r-riċevituri, filwaqt illi jitqiesu għalkollox l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data.
- = -
(127) Kull awtorità superviżorja li ma tkunx qed taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun kompetenti li tittratta każijiet lokali fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed, iżda s-suġġett tal-ipproċessar speċifiku jikkonċerna biss l-ipproċessar li jsir fi Stat Membru uniku u jinvolvi biss is-suġġetti tad-data f'dak l-Istat Membru uniku, pereżempju, fejn is-suġġett jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali tal-impjegati fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi ta' Stat Membru partikolari.
F'tali każijiet, l-awtorità superviżorja għandha tgħarraf lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni.
Wara li tiġi infurmata, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ skont id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtoritajiet superviżorja oħra kkonċernati (“il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz”), jew jekk l-awtorità superviżorja li infurmatha għandhiex tittratta l-każ fil-livell lokali.
Meta tkun qed tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis jekk hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li informatha sabiex tiżgura l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni vis-à-vis il-kontrollur jew il-proċessur.
Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmatha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta abbozz għal deċiżjoni, li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis bl-akbar reqqa meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha f'dak il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz.
- = -
(131) Fejn xi awtorità superviżorja oħra għandha taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija għall-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur iżda s-suġġett konkret ta' lment jew il-possibbiltà ta' ksur jikkonċerna biss l-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur f'dak l-Istat Membru fejn ikun tressaq l-ilment jew fejn tkun ġiet identifikata l-possibbiltà ta' ksur u l-kwistjoni ma taffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data fi Stati Membri oħrajn, jew mhux probabbli li taffettwahom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja li tirċievi lment jew li tidentifika jew tiġi infurmata b'xi mod ieħor b'sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ksur possibbli ta' dan ir-Regolament għandha tfittex soluzzjoni bonarja mal-kontrollur u, jekk dan ma jirnexxix, teżerċita l-firxa sħiħa ta' setgħat tagħha.
Dan għandu jinkludi pproċessar speċifiku li jsir fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja jew b'rabta mas-suġġetti tad-data fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; jew ipproċessar li jsir fil-kuntest ta' offerta ta' oġġetti jew servizzi mmirati speċifikament lejn suġġetti tad-data fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja; jew ipproċessar li jrid jiġi vvalutat b'kont meħud tal-obbligi legali rilevanti skont il-liġi tal-Istat Membru.
- = -