search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'jirċievi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 12

Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.

2.   Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.

4.   Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.

5.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.

7.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.

Taqsima 2

Informazzjoni u aċċess għad-data personali

Artikolu 20

Dritt għall-portabbiltà tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi d-data personali li tikkonċerna lilu, li huwa jkun ipprovda lil kontrollur, f'format strutturat, użat komunement u li jinqara permezz ta' magna u jkollu d-dritt li jibgħat dik d-data lil kontrollur ieħor mingħajr tfixkil mingħand il-kontrollur li lilu tkun ingħatat id-data personali, fejn:

(a)

l-ipproċessar ikun ibbażat fuq kunsens skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2) jew fuq kuntratt skont il-punt (b) tal-Artikolu 6(1); u

(b)

l-ipproċessar jitwettaq b'mezzi awtomatizzati.

2.   Fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu għall-portabbiltà tad-data skont il-paragrafu 1, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jkollu d-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal kontrollur ieħor, fejn dan ikun teknikament fattibbli.

3.   L-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17. Dak id-dritt ma għandux japplika għall-ipproċessar meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

4.   Id-dritt msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Taqsima 4

Dritt ta' oġġezzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

Artikolu 36

Konsultazzjoni minn qabel

1.   Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.

2.   Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.

3.   Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja

(a)

fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi;

(b)

bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub;

(c)

bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament;

(d)

fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(e)

bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u

(f)

bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.

5.   Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.

Taqsima 4

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 38

Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkun involut kif dovut u mingħajr dewmien fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jappoġġaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 39 billi jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq dawk il-kompiti u aċċess għad-data personali u l-attivitajiet ta' pproċessar, u jsostnu l-għarfien espert tiegħu.

3.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jirċievi l-ebda istruzzjoni dwar l-eżerċizzju ta' dawk il-kompiti. Ma għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jirrapporta b'mod dirett lill-ogħla livell ta' maniġment tal-kontrollur jew tal-proċessur.

4.   Is-suġġetti tad-data jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u għall-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

5.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jkunu marbut b'segretezza jew b'kunfidenzjalità dwar il-qadi ta' dmirijietu, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

6.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jwettaq kompiti u dmirijiet oħra. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiżgura li kwalunkwe minn dawn il-kompiti u dmirijiet ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.


whereas

dal 2004 diritto e informatica