search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'jqis' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 12

Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.

2.   Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.

4.   Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.

5.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.

7.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.

Taqsima 2

Informazzjoni u aċċess għad-data personali

Artikolu 35

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   Fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

2.   Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

3.   Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':

(a)

evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika;

(b)

l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)

il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.

5.   L-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.

6.   Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.

7.   Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;

(b)

valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet;

(c)

valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u

(d)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

8.   Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

9.   Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.

10.   Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.

11.   Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.

Artikolu 39

Kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   L-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data għandu jkollu mill-inqas il-kompiti li ġejjin:

(a)

jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur jew lill-proċessur u lill-impjegati li jagħmlu l-ipproċessar dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stati Membri dwar il-protezzjoni tad-data;

(b)

jissorvelja l-konformità ma' dan ir-Regolament, ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stati Membri dwar il-protezzjoni tad-data u mal-politiki tal-kontrollur jew tal-proċessur fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal involut fl-attivitajiet ta' pproċessar, u l-verifiki relatati;

(c)

jipprovdi parir fejn mitlub fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jissorvelja l-prestazzjoni tagħha skont l- Artikolu 35;

(d)

jikkoopera mal-awtorità superviżorja;

(e)

jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-awtorità superviżorja dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar, inkluż il-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36, u jikkonsulta, fejn xieraq, fir-rigward ta' kwalunkwe materja oħra.

2.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti tiegħu għandu jkollu konsiderazzjoni dovuta għar-riskju assoċjat mal-attivitajiet ta' pproċessar, filwaqt li jqis in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-għanijiet tal-ipproċessar.

Taqsima 5

Kodiċijiet ta' kondotta u ċertifikazzjoni

Artikolu 77

Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b'mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.

Artikolu 80

Rappreżentanza ta' suġġetti tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta' qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta' Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f'ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f'ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu 78 f'ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta' suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f'dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta' suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b'riżultat tal-ipproċessar.


whereas

dal 2004 diritto e informatica