search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'derogi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 49

derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 45(3), jew salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 46, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, trasferiment jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss b'waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun espliċitament ta kunsens għat-trasferiment propost, wara li jkun ġie informat bir-riskji possibbli ta' tali trasferimenti għas-suġġett tad-data minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza u salvagwardji xierqa;

(b)

it-trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur jew l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' qabel il-kuntratt meħuda fuq talba tas-suġġett tad-data;

(c)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-konklużjoni jew it-twettiq ta' kuntratt konkluż fl-interess tas-suġġett tad-data bejn il-kontrollur u persuna fiżika jew ġuridika oħra;

(d)

it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(e)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali;

(f)

it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuni oħra, fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;

(g)

it-trasferiment isir minn reġistru li skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru huwa maħsub biex jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku u li huwa miftuħ għall-konsultazzjoni jew mill-pubbliku inġenerali inkella minn kwalunkwe persuna li tista' turi interess leġittimu, iżda biss sa fejn jiġu sodisfatti fil-każ partikolari l-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-konsultazzjoni.

Fejn trasferiment ma setgħax ikun ibbażat fuq dispożizzjoni fl-Artikoli 45 jew 46, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar regoli korporattivi vinkolanti, u l-ebda waħda mid-derogi għal sitwazzjoni speċifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma tkun applikabbli, it-trasferiment ma jkunx ripetittiv, jikkonċerna biss għadd limitat ta' suġġetti tad-data, ikun meħtieġ għall-għanijiet ta' interessi leġittimi konvinċenti mfittxija mill-kontrollur li ma jingħelbux mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u l-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha madwar it-trasferiment tad-data u abbażi ta' dik il-valutazzjoni pprovda salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja bit-trasferiment. Il-kontrollur għandu, barra milli jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u 14, jinforma lis-suġġett tad-data dwar it-trasferiment u dwar l-interessi leġittimi konvinċenti segwiti.

2.   Trasferiment skont il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jinvolvi t-totalità tad-data personali jew kategoriji sħaħ tad-data personali li jinsabu fir-reġistru. Fejn ir-reġistru huwa maħsub għall-konsultazzjoni minn persuni li jkollhom interess leġittimu, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta' dawk il-persuni jew jekk ser ikunu r-riċevituri.

3.   Il-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tiegħu ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħhom.

4.   L-interess pubbliku msemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi rikonoxxut fil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur.

5.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru tista', għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, espressament tistabbilixxi limiti għat-trasferiment ta' kategoriji speċifiċi tad-data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

6.   Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiddokumenta l-valutazzjoni kif ukoll is-salvagwardji xierqa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 30.

Artikolu 85

Ipproċessar u libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta' espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.   Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta' espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 89

Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika

1.   L-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, sakemm dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti b'dak il-mod. Fejn dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b'dak il-mod.

2.   Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta' statistika, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għall-issodisfar ta' dawk il-finijiet.

3.   Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18, 19, 20 and 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk il-finijiet.

4.   Fejn l-ipproċessar imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jservi fl-istess ħin fini ieħor, id-derogi għandhom japplikaw biss għall-ipproċessar għall-finijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi.


whereas

dal 2004 diritto e informatica