interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 6 Legalità tal-ipproċessar
- 1 Artikolu 13 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
- 1 Artikolu 14 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
- 1 Artikolu 28 Proċessur
- 2 Artikolu 30 Reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar
- 6 Artikolu 49 Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi
- tad-data 66
- personali 55
- fejn 34
- għandu 33
- ikun 26
- il-kontrollur 25
- data 23
- għal 23
- l-ipproċessar 23
- minn 22
- tal-ipproċessar 20
- jekk 19
- msemmija 18
- biex 18
- jkun 16
- l-informazzjoni 16
- legali 16
- applikabbli 15
- tkun 15
- d-data 15
- tal-kontrollur 14
- tal-unjoni 14
- membru 14
- meħtieġ 13
- tas-suġġett 13
- xierqa 13
- il-liġi 12
- is-suġġett 12
- subparagrafu 12
- id-data 12
- jipprovdi 11
- skont 11
- ieħor 11
- pproċessar 11
- dwar 10
- il-proċessur 10
- organizzazzjoni 10
- it-trasferiment 10
- internazzjonali 10
- għall-ipproċessar 10
- stat 10
- l-artikolu 10
- lill-kontrollur 10
- informazzjoni 9
- terz 9
- l-eżistenza 9
- speċifiċi 9
- possibbli 9
- proċessur 9
- fl-artikolu 9
Artikolu 6
Legalità tal-ipproċessar
1. L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
(a) | is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar; |
(b) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt; |
(c) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur; |
(d) | l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra; |
(e) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur; |
(f) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni. |
Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.
3. Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:
(a) | il-liġi tal-Unjoni, jew |
(b) | il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur. |
Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.
4. Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':
(a) | kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub; |
(b) | il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur; |
(c) | in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10; |
(d) | il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub; |
(e) | l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni. |
Artikolu 13
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
1. Fejn data personali relatata ma' suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli. |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(c) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(d) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(e) | jekk il-forniment ta' data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data; |
(f) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli; |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(c) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(e) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(f) | minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku; |
(g) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) | fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali; |
(b) | jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew |
(c) | jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba. |
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
(a) | is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni; |
(b) | il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku; |
(c) | il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew |
(d) | fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza. |
Artikolu 28
Proċessur
1. Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.
2. Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.
3. L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:
(a) | jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku; |
(b) | jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità; |
(c) | jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32; |
(d) | jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor; |
(e) | jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III; |
(f) | jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur; |
(g) | fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen; |
(h) | jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur. |
Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.
4. Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.
5. Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.
6. Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.
7. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
8. Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.
9. Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.
10. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.
Artikolu 30
Reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar
1. Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) | l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(b) | il-finijiet tal-ipproċessar; |
(c) | deskrizzjoni tal-kategoriji ta' suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta' data personali; |
(d) | il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(e) | fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa; |
(f) | fejn ikun possibbli, il-limiti ta' żmien imbassrin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta' data; |
(g) | fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1). |
2. Kull proċessur u, fejn applikabbli, rappreżentant tal-proċessur għandhom iżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f'isem kontrollur, li jkun fih:
(a) | l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur jew proċessuri u ta' kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f'ismu, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(b) | il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f'isem kull kontrollur; |
(c) | fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa; |
(d) | fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1). |
3. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.
4. Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.
5. L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal impriża jew organizzazzjoni li timpjega inqas minn 250 persuna ħlief jekk l-ipproċessar li twettaq x'aktarx jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar mhuwiex okkażjonali, jew l-ipproċessar jinkludi kategoriji speċjali ta' data kif imsemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.
Artikolu 49
Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi
1. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 45(3), jew salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 46, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, trasferiment jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss b'waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) | is-suġġett tad-data jkun espliċitament ta kunsens għat-trasferiment propost, wara li jkun ġie informat bir-riskji possibbli ta' tali trasferimenti għas-suġġett tad-data minħabba n-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza u salvagwardji xierqa; |
(b) | it-trasferiment ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur jew l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' qabel il-kuntratt meħuda fuq talba tas-suġġett tad-data; |
(c) | it-trasferiment ikun meħtieġ għall-konklużjoni jew it-twettiq ta' kuntratt konkluż fl-interess tas-suġġett tad-data bejn il-kontrollur u persuna fiżika jew ġuridika oħra; |
(d) | it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku; |
(e) | it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali; |
(f) | it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuni oħra, fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens; |
(g) | it-trasferiment isir minn reġistru li skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru huwa maħsub biex jipprovdi informazzjoni lill-pubbliku u li huwa miftuħ għall-konsultazzjoni jew mill-pubbliku inġenerali inkella minn kwalunkwe persuna li tista' turi interess leġittimu, iżda biss sa fejn jiġu sodisfatti fil-każ partikolari l-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-konsultazzjoni. |
Fejn trasferiment ma setgħax ikun ibbażat fuq dispożizzjoni fl-Artikoli 45 jew 46, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar regoli korporattivi vinkolanti, u l-ebda waħda mid-derogi għal sitwazzjoni speċifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma tkun applikabbli, it-trasferiment ma jkunx ripetittiv, jikkonċerna biss għadd limitat ta' suġġetti tad-data, ikun meħtieġ għall-għanijiet ta' interessi leġittimi konvinċenti mfittxija mill-kontrollur li ma jingħelbux mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u l-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha madwar it-trasferiment tad-data u abbażi ta' dik il-valutazzjoni pprovda salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali. Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja bit-trasferiment. Il-kontrollur għandu, barra milli jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u 14, jinforma lis-suġġett tad-data dwar it-trasferiment u dwar l-interessi leġittimi konvinċenti segwiti.
2. Trasferiment skont il-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux jinvolvi t-totalità tad-data personali jew kategoriji sħaħ tad-data personali li jinsabu fir-reġistru. Fejn ir-reġistru huwa maħsub għall-konsultazzjoni minn persuni li jkollhom interess leġittimu, it-trasferiment għandu jsir biss fuq it-talba ta' dawk il-persuni jew jekk ser ikunu r-riċevituri.
3. Il-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-tieni subparagrafu tiegħu ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet imwettqa minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħhom.
4. L-interess pubbliku msemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi rikonoxxut fil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur.
5. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru tista', għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku, espressament tistabbilixxi limiti għat-trasferiment ta' kategoriji speċifiċi tad-data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
6. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiddokumenta l-valutazzjoni kif ukoll is-salvagwardji xierqa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 30.
whereas
dal 2004 diritto e informatica