search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'ġew' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 34

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

1.   Meta l-ksur ta' data personali probabbilment ikun ser jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi l-kontrollur għandu jikkomunika l-ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b'lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta' data personali u tinkludi mill-inqas l-informazzjoni u l-miżuri imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 33(3).

3.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun sodisfatta:

(a)

il-kontrollur ikun implimenta miżuri ta' protezzjoni tekniċi u organizzattivi xierqa, u dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta' data personali, b'mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;

(b)

il-kontrollur ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;

(c)

tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F'każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b'mod għaldaqstant effettiv.

4.   Jekk il-kontrollur ma jkunx diġà kkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkunsidrat il-probabbiltà li l-ksur tad-data personali li jirriżulta f'riskju għoli, tista' titolbu jagħmel dan jew tista' tiddeċiedi li xi kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ikunu sodisfatti.

Taqsima 3

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u konsultazzjoni minn QABEL

Artikolu 51

Awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni (“awtorità superviżorja”).

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni f'konformità mal-Kapitolu VII.

3.   Fejn ikunu ġew stabbiliti aktar minn awtorità superviżorja waħda fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità superviżorja li trid tirrappreżenta dawk l-awtoritajiet fil-Bord u għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmu biex jiżgura l-konformità mill-awtoritajiet l-oħra mar-regoli relatati mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont dan il-Kapitolu, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 83

Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f'kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma', jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f'kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b'kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta' suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta' dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

(d)

il-grad ta' responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b'kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

(f)

il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

(g)

il-kategoriji ta' data personali affettwati mill-ksur;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

(i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma' dawk il-miżuri;

(j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta' kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b'negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta' pproċessar jew għal dawk b'rabta ma' xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

(b)

l-obbligi tal-korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;

(c)

l-obbligi tal-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

(b)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;

(c)

it-trasferimenti ta' data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;

(d)

kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-Kapitolu IX;

(e)

nuqqas ta' konformità ma' ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta' flussi ta' data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-Artikolu 58(1).

6.   Nuqqas ta' konformità ma' ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta' awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista' jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

9.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 96

Relazzjoni ma' Ftehimiet konklużi minn qabel

Ftehimiet internazzjonali li jinvolvu t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali li ġew konklużi mill-Istati Membri qabel l-24 ta' Mejju 2016 u li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni kif applikabbli qabel dik id-data, għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew revokati.


whereas

dal 2004 diritto e informatica