search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'suffiċjenti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas suffiċjenti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 482

 

Artikolu 28

Proċessur

1.   Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 57

Kompiti

1.   Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:

(a)

timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika;

(c)

tagħti pariri, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;

(d)

tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament;

(e)

fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;

(f)

tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra;

(g)

tikkoopera ma', inkluż bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament;

(h)

twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;

(i)

timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali;

(j)

tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);

(k)

tistabbilixxi u żżomm lista b'rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(l)

tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2);

(m)

tinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta' kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5);

(n)

tħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5);

(o)

fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 42(7);

(p)

tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(q)

twettaq l-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(r)

tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3);

(s)

tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47;

(t)

tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord;

(u)

iżżomm reġistru intern tal-ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u

(v)

twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b'miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta' komunikazzjoni.

3.   It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

4.   F'każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista' timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.


whereas

dal 2004 diritto e informatica