interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 2 Artikolu 5 Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali
- 1 Artikolu 9 Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali
- 1 Artikolu 14 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
- 1 Artikolu 17 Dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”)
- 1 Artikolu 21 Dritt ta' oġġezzjoni
- 3 Artikolu 89 Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika
- tad-data 51
- personali 48
- għal 44
- finijiet 24
- data 22
- l-ipproċessar 21
- tkun 20
- fejn 20
- għandu 18
- id-data 18
- ikun 17
- minn 16
- tiġi 16
- stat 15
- membru 15
- għall-ipproċessar 14
- tal-unjoni 14
- pproċessata 14
- tas-suġġett 14
- il-kontrollur 14
- pubbliku 13
- is-suġġett 12
- soġġett 11
- jkun 11
- skont 11
- dawk 11
- d-data 10
- meħtieġ 10
- msemmija 10
- riċerka 9
- fl-interess 9
- storika 9
- statistika 9
- xjentifika 9
- fejn 9
- arkivjar 8
- joġġezzjona 8
- biex 8
- xierqa 8
- il-liġi 8
- għall-finijiet 8
- fil-paragrafu 8
- aktar 7
- tal-liġi 7
- dwar 7
- jekk 7
- l-informazzjoni 7
- tipprevedi 7
- speċifiċi 7
- miżuri 7
Artikolu 5
Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali
1. Id-data personali għandha:
(a) | tkun ipproċessata legalment, ġustament u b'mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (“legalità, ġustizzja u trasparenza”); |
(b) | tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod inkompatibbli ma' dawk il-finijiet; f'konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (“limitazzjoni tal-fini”); |
(c) | tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b'rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”); |
(d) | tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b'kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (“preċiżjoni”); |
(e) | tinżamm f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista' tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (“limitazzjoni tal-ħażna”); |
(f) | tiġi pproċessata b'mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta' miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“integrità u kunfidenzjalità”). |
2. Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (“responsabbiltà”).
Artikolu 9
Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali
1. L-ipproċessar ta' data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b'mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna fiżika huma projbiti.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) | is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta' dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data; |
(b) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta' Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data; |
(c) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens; |
(d) | l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b'salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta' qligħ b'għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta' trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma' persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b'rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data; |
(e) | l-ipproċessar ikun relatat ma' data personali li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data; |
(f) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom; |
(g) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data; |
(h) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta' mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta' kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta' sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta' Stat Membru jew skont kuntratt ma' professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3; |
(i) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta' kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta' prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta' Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b'mod partikulari s-segretezza professjonali; |
(j) | l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data. |
3. Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi pproċessata għall-finijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 2 meta dik id-data tiġi pproċessata minn professjonista jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu li jkun soġġett għall-obbligu ta' segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali jew minn persuna oħra li tkun ukoll soġġetta għal obbligu ta' segretezza skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali.
4. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli; |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(c) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(e) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(f) | minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku; |
(g) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) | fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali; |
(b) | jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew |
(c) | jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba. |
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
(a) | is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni; |
(b) | il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku; |
(c) | il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew |
(d) | fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza. |
Artikolu 17
Dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”)
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
(a) | id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data; |
(b) | is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar; |
(c) | is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2); |
(d) | id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment; |
(e) | id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma' obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur; |
(f) | id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1). |
2. Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:
(a) | għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni; |
(b) | għal konformità ma' obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur; |
(c) | għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f'konformità mal-punti (h) u (i) tal-Artikolu 9(2) kif ukoll mal-Artikolu 9(3); |
(d) | għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x'aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar; jew |
(e) | għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali. |
Artikolu 21
Dritt ta' oġġezzjoni
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta' data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta' profili abbażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa' jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.
2. Fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta.
3. Fejn is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għal għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma għandhiex tibqa' tiġi pproċessata għal tali għanijiet.
4. Mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, id-dritt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod espliċitu u għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.
5. Fil-kuntest tal-użu ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u minkejja d-Direttiva 2002/58/KE, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona b'mezzi awtomatizzati bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi.
6. Fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1), is-suġġett tad-data, għal raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għandu d-dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah, sakemm l-ipproċessar ma jkunx neċessarju għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.
Artikolu 89
Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika
1. L-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, sakemm dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti b'dak il-mod. Fejn dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b'dak il-mod.
2. Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta' statistika, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għall-issodisfar ta' dawk il-finijiet.
3. Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18, 19, 20 and 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk il-finijiet.
4. Fejn l-ipproċessar imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jservi fl-istess ħin fini ieħor, id-derogi għandhom japplikaw biss għall-ipproċessar għall-finijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi.
whereas
dal 2004 diritto e informatica