(5) L-integrazzjoni ekonomika u soċjali li rriżultat mill-funzjonament tas-suq intern wasslet għal żieda sostanzjali fi flussi transkonfinali ta' data personali. Żdied l-iskambju ta' data personali bejn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-persuni fiżiċi, l-assoċjazzjonijiet u l-impriżi fl-Unjoni kollha.
L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri qegħdin jintalbu bil-liġi tal-Unjoni biex jikkooperaw u jiskambjaw data personali sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom jew iwettqu kompiti f'isem awtorità fi Stat Membru ieħor.
- = -
(6) L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali.
L-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data personali żdiedet b'mod sinifikanti.
It-teknoloġija tippermetti kemm lil kumpanniji privati kif ukoll lil awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu użu minn data personali fuq skala mingħajr preċedenti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom.
Il-persuni fiżiċi qegħdin dejjem aktar jagħmlu l-informazzjoni personali disponibbli pubblikament u globalment.
It-teknoloġija bidlet kemm l-ekonomija kif ukoll il-ħajja soċjali, u għandha tkompli tiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni u t-trasferiment lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali.
- = -
(122) Kull awtorità superviżorja għandu jkollha kompetenza fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess biex teżerċita s-setgħat u twettaq il-kompiti li tingħata f'konformità ma' dan ir-Regolament.
Dan għandu jkopri b'mod partikolari l-ipproċessar fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu stess, l-ipproċessar ta' data personali li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu fl-interess pubbliku, l-ipproċessar li jolqot is-suġġetti tad-data fit-territorju tiegħu jew l-ipproċessar li jsir minn kontrollur jew proċessur mhux stabbilit fl-Unjoni meta dan ikun qed jimmira lejn suġġetti tad-data li jgħixu fit-territorju tiegħu.
Dan għandu jinkludi t-trattament ta' ilmenti mressqa minn suġġett tad-data, it-twettiq ta' investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-promozzjoni tal-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar ta' data personali.
- = -
(128) Ir-regoli dwar l-awtorità superviżorja ewlenija u l-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz ma għandhomx japplikaw fejn l-ipproċessar isir minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati fl-interess pubbliku.
F'dawn il-każijiet, l-unika awtorità superviżorja li jkollha l-kompetenza biex teżerċita s-setgħat li tingħata f'konformità ma' dan ir-Regolament għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità pubblika jew il-korp privat.
- = -
(158) Fejn id-data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar, b'kont meħud li dan ir-Regolament ma għandux japplika għal data ta' persuni deċeduti.
L-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi pubbliċi jew privati li jżommu reġistri ta' interess pubbliku għandhom ikunu servizzi li, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikollhom obbligu legali biex jiksbu, iżommu, jivvalutaw, jagħmlu arranġamenti, jiddeskrivu, jikkomunikaw, jippromwovu, ixerrdu u jipprovdu aċċess għar-reġistri ta' valur fit-tul għall-interess pubbliku inġenerali.
L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu awtorizzati jipprevedu li data personali tista' tkun ipproċessata ulterjorment għal finijiet ta' arkivjar, pereżempju bil-ħsieb li jipprovdu informazzjoni speċifika relatata mal-imġiba politika taħt reġimi fi stati totalitarji preċedenti, ma' ġenoċidju, ma' delitti kontra l-umanità, b'mod partikolari l-Olokawst, jew ma' delitti tal-gwerra.
- = -