search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'mal-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index mal-artikolu :


whereas mal-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 358

 

Artikolu 12

Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.

2.   Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.

4.   Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.

5.   L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:

(a)

jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew

(b)

jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.

7.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.

Taqsima 2

Informazzjoni u aċċess għad-data personali

Artikolu 17

Dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”)

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

(b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

(c)

is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

(d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

(e)

id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma' obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(f)

id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

(a)

għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni;

(b)

għal konformità ma' obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(c)

għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f'konformità mal-punti (h) u (i) tal-Artikolu 9(2) kif ukoll mal-artikolu 9(3);

(d)

għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x'aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar; jew

(e)

għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

Artikolu 19

Obbligu ta' notifika rigward rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar

Il-kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f'konformità mal-artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar dawk ir-riċevituri jekk is-suġġett tad-data jitlob dan.


whereas

dal 2004 diritto e informatica