search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'lilu' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 15

Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(b)

il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni;

(c)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

(f)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(g)

fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

(h)

l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta' profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

2.   Fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista' jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f'forma elettronika użata b'mod komuni.

4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Taqsima 3

Rettifika u tħassir

Artikolu 16

Dritt għar-rettifika

Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien żejjed ir-rettifika ta' data personali li tikkonċerna lilu li ma tkunx eżatta. B'kont meħud tal-għanijiet tal-ipproċessar, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb il-kompletezza tad-data personali mhux kompluta, inkluż billi jipprovdi dikjarazzjoni supplimentari.

Artikolu 19

Obbligu ta' notifika rigward rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar

Il-kontrollur għandu jikkomunika kwalunkwe rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar imwettqa f'konformità mal-Artikolu 16, l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 18 lil kull riċevitur li lilu tkun ġiet żvelata d-data personali, għajr jekk dan jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar dawk ir-riċevituri jekk is-suġġett tad-data jitlob dan.

Artikolu 20

Dritt għall-portabbiltà tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi d-data personali li tikkonċerna lilu, li huwa jkun ipprovda lil kontrollur, f'format strutturat, użat komunement u li jinqara permezz ta' magna u jkollu d-dritt li jibgħat dik d-data lil kontrollur ieħor mingħajr tfixkil mingħand il-kontrollur li lilu tkun ingħatat id-data personali, fejn:

(a)

l-ipproċessar ikun ibbażat fuq kunsens skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2) jew fuq kuntratt skont il-punt (b) tal-Artikolu 6(1); u

(b)

l-ipproċessar jitwettaq b'mezzi awtomatizzati.

2.   Fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu għall-portabbiltà tad-data skont il-paragrafu 1, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jkollu d-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal kontrollur ieħor, fejn dan ikun teknikament fattibbli.

3.   L-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17. Dak id-dritt ma għandux japplika għall-ipproċessar meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

4.   Id-dritt msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Taqsima 4

Dritt ta' oġġezzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

Artikolu 21

Dritt ta' oġġezzjoni

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta' data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta' profili abbażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa' jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

2.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta.

3.   Fejn is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għal għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma għandhiex tibqa' tiġi pproċessata għal tali għanijiet.

4.   Mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, id-dritt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod espliċitu u għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.

5.   Fil-kuntest tal-użu ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u minkejja d-Direttiva 2002/58/KE, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona b'mezzi awtomatizzati bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi.

6.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1), is-suġġett tad-data, għal raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għandu d-dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah, sakemm l-ipproċessar ma jkunx neċessarju għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.

Artikolu 22

Teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati, inkluż tfassil ta' profili

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b'mod sinifikanti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk id-deċiżjoni:

(a)

tkun meħtieġa biex wieħed jidħol f'kuntratt, jew iwettaq kuntratt, bejn is-suġġett tad-data u kontrollur tad-data;

(b)

tkun awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tistabbilixxi wkoll miżuri adatti għas-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(c)

tkun ibbażata fuq il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

3.   F'każijiet imsemmija fil-punt (a) u (c) tal-paragrafu 2, il-kontrollur tad-data għandu jimplimenta miżuri adatti biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jikseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur, li jesprimi l-fehma tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni.

4.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu bbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1), sakemm ma japplikax il-punt (a) jew (g) tal-Artikolu 9(2) u ma jkunux fis-seħħ miżuri biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

Taqsima 5

Restrizzjonijiet

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).


whereas

dal 2004 diritto e informatica