search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'kbira' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 27

Rappreżentanti ta' kontrolluri jew proċessuri mhux stabbiliti fl-Unjoni

1.   Fejn japplika l-Artikolu 3(2), il-kontrollur jew il-proċessur għandu jaħtar bil-miktub rappreżentant fl-Unjoni.

2.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal:

(a)

l-ipproċessar li jkun okkażjonali, ma jinkludix, fuq skala kbira, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmijin fl-Artikolu 10, u li probabbilment mhux ser jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'kont meħud tan-natura, il-kuntest, l-ambitu u l-għanijiet tal-ipproċessar; jew

(b)

awtorità jew korp pubbliku.

3.   Ir-rappreżentant għandu jkun stabbilit f'wieħed mill-Istati Membri fejn jinsabu s-suġġetti tad-data, lid-data personali tagħhom tiġi pproċessata fir-rigward ta' offerti ta' prodotti jew servizzi lilhom, jew li l-imġiba tagħhom tkun issorveljata.

4.   Ir-rappreżentant għandu jkollu l-mandat mill-kontrollur jew mill-proċessur li jiġi indirizzat, b'mod partikolari mill-awtoritajiet superviżorji u mis-suġġetti tad-data, flimkien mal-kontrollur jew mal-proċessur jew minflokhom, dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ipproċessar, sabiex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

5.   Il-ħatra ta' rappreżentant mill-kontrollur jew mill-proċessur għandha tkun mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-kontrollur jew il-proċessur innifishom.

Artikolu 35

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   Fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

2.   Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

3.   Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':

(a)

evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika;

(b)

l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)

il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.

5.   L-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.

6.   Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.

7.   Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;

(b)

valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet;

(c)

valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u

(d)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

8.   Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

9.   Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.

10.   Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.

11.   Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.

Artikolu 37

Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi kwalunkwe każ fejn:

(a)

l-ipproċessar isir minn awtorità jew korp pubbliku, ħlief għal qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

(b)

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f'operazzjonijiet ta' pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom, l-ambitu u/jew l-għanijiet tagħhom, jeħtieġu monitoraġġ regolari u sistematiku tas-suġġetti tad-data fuq skala kbira; jew

(c)

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f'ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data skont l-Artikolu 9 u ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.

2.   Grupp ta' impriżi jista' jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data uniku dment li l-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data jkun faċilment aċċessibbli minn kull stabbiliment.

3.   Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun awtorità jew korp pubbliku, jista' jinħatar uffiċjal uniku tal-protezzjoni tad-data għal diversi tali awtoritajiet jew tali korpi, filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura organizzattiva u d-daqs tagħhom.

4.   F'każijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur jew il-proċessur jew assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jew, fejn hu rekwiżit taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jaġixxi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kontrolluri jew proċessuri.

5.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar abbażi tal-kwalitajiet professjonali u, b'mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 39.

6.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jkun parti mill-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur, jew iwettaq il-kompiti tiegħu fuq il-bażi ta' kuntratt ta' servizz.

7.   Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jippubblika d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u jikkomunikhom lill-awtorità superviżorja.


whereas

dal 2004 diritto e informatica