search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'jirregolaw' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas jirregolaw:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 323

 

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 54

Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment ta' kull awtorità superviżorja;

(b)

il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa biex wieħed jinħatar membru ta' kull awtorità superviżorja;

(c)

ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja;

(d)

it-tul tal-mandat tal-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja ta' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara l-24 ta' Mejju 2016, li parti minnu jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak jinħtieġ għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma;

(e)

jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm-il mandat il-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja hu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid;

(f)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg.

2.   Il-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta' segretezza professjonali kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir ta' segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Kompetenza, kompiti u setgħat


whereas

dal 2004 diritto e informatica