search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'jimplimenta' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 22

Teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati, inkluż tfassil ta' profili

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili, li jipproduċi effetti legali li jikkonċernaw lilu jew li bl-istess mod jaffettwa lilu b'mod sinifikanti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk id-deċiżjoni:

(a)

tkun meħtieġa biex wieħed jidħol f'kuntratt, jew iwettaq kuntratt, bejn is-suġġett tad-data u kontrollur tad-data;

(b)

tkun awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tistabbilixxi wkoll miżuri adatti għas-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(c)

tkun ibbażata fuq il-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data.

3.   F'każijiet imsemmija fil-punt (a) u (c) tal-paragrafu 2, il-kontrollur tad-data għandu jimplimenta miżuri adatti biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jikseb intervent uman min-naħa tal-kontrollur, li jesprimi l-fehma tiegħu u li jikkontesta d-deċiżjoni.

4.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu bbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 9(1), sakemm ma japplikax il-punt (a) jew (g) tal-Artikolu 9(2) u ma jkunux fis-seħħ miżuri biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

Taqsima 5

Restrizzjonijiet

Artikolu 24

Responsabbiltà tal-kontrollur

1.   B'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista' juri li l-ipproċessar isir f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ.

2.   Fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta' attivitajiet ta' pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta' politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.

3.   Il-konformità mal-kodiċijiet tal-kondotta kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur.

Artikolu 25

Protezzjoni ta' data mid-disinn u b'mod awtomatiku

1.   Wara li jikkunsidra l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, il-kontrollur għandu, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

2.   Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta' persuni fiżiċi.

3.   Jista' jintuża mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat skont l-Artikolu 42 bħala element li juri l-osservanza tar-rekwiżiti mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 32

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:

(a)

il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ tad-data personali;

(b)

il-kapaċità li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u r-reżiljenza kontinwi tas-sistemi u s-servizzi ta' pproċessar;

(c)

il-kapaċità li jiġu restawrati d-disponibbiltà u l-aċċess għad-data personali fil-pront fil-każ ta' inċident fiżiku jew tekniku;

(d)

proċess sabiex tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata l-effettività tal-miżuri tekniċi u organizzattivi li jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar.

2.   Fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta' sigurtà ser jitqiesu b'mod partikolari r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali.

3.   L-osservanza ta' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali ma jipproċessawhiex ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

Artikolu 61

Assistenza reċiproka

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.

4.   L-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:

(a)

mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba.

5.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.

6.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   Fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 75

Segretarjat

1.   Il-Bord għandu jkollu segretarjat, li jiġi pprovdut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Is-segretarjat għandu jwettaq il-kompiti tiegħu esklużivament taħt l-istruzzjonijiet tal-President tal-Bord.

3.   Il-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal linji ta' rappurtar separati mill-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuq il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

4.   Fejn xieraq, il-Bord u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw Memorandum ta' Qbil li jimplimenta dan l-Artikolu, jiddetermina t-termini tal-kooperazzjoni tagħhom, u applikabbli għall-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament.

5.   Is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ analitiku, amministrattiv u loġistiku lill-Bord.

6.   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli b'mod partikolari:

(a)

għax-xogħol ta' kuljum tal-Bord;

(b)

għall-komunikazzjoni bejn il-membri tal-Bord, il-President tiegħu u l-Kummissjoni;

(c)

għall-komunikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra u mal-pubbliku;

(d)

għall-użu ta' mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni interna u esterna;

(e)

għat-traduzzjoni ta' informazzjoni rilevanti;

(f)

għat-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Bord;

(g)

għat-tħejjija, l-abbozzar u l-pubblikazzjoni ta' opinjonijiet u deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta' tilwim bejn awtoritajiet superviżorji u testi oħra adottati mill-Bord.


whereas

dal 2004 diritto e informatica