search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'il-korp' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas il-korp:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 652

 

Artikolu 9

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali

1.   L-ipproċessar ta' data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b'mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta' dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta' Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;

(d)

l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b'salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta' qligħ b'għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta' trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma' persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b'rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data;

(e)

l-ipproċessar ikun relatat ma' data personali li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

(g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

(h)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta' mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta' kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta' sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta' Stat Membru jew skont kuntratt ma' professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;

(i)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta' kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta' prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta' Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b'mod partikulari s-segretezza professjonali;

(j)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.

3.   Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi pproċessata għall-finijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 2 meta dik id-data tiġi pproċessata minn professjonista jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu li jkun soġġett għall-obbligu ta' segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali jew minn persuna oħra li tkun ukoll soġġetta għal obbligu ta' segretezza skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.

Artikolu 41

Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-monitoraġġ tal-konformità ma' kodiċi ta' kondotta skont l-Artikolu 40, jista' jitwettaq minn korp li għandu l-livell xieraq ta' għarfien espert b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi u huwa akkreditat għal dak il-għan mill-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   Korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi akkreditat biex jimmonitorja konformita' ma' kodiċi ta' kondotta fejn dak il-korp:

(a)

ikun wera l-indipendenza u l-għarfien espert tiegħu b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

ikun stabbilixxa proċeduri li jippermettu li jivvaluta l-eliġibbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati bl-applikazzjoni tal-kodiċi, biex jissorveljaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu u biex iwettqu rieżami tal-attività tiegħu b'mod perjodiku;

(c)

ikun stabbilixxa proċeduri u strutturi biex jittratta lmenti dwar ksur tal-kodiċi jew il-mod li bih il-kodiċi ġie, jew qed jiġi, implimentat minn kontrollur jew proċessur, u biex dawk il-proċeduri u strutturi jkunu trasparenti għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(d)

huwa wera għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti li l-kompiti u d-dmirijiet tiegħu ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tippreżenta l-abbozz ta' kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Bord skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti u għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu, soġġett għas-salvagwardji xierqa, jieħu azzjoni xierqa f'każijiet ta' ksur tal-kodiċi minn kontrollur jew proċessur, inkluż is-sospensjoni jew l-esklużjoni tal-kontrollur jew proċessur kkonċernat mill-kodiċi. Huwa għandu jinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti b'dawn l-azzjonijiet u r-raġunijiet għaliex ittieħdu.

5.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tirrevoka l-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux milħuqa jew m'għadhomx jintlaħqu jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp jiksru dan ir-Regolament.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi.

Artikolu 43

Korpi ta' ċertifikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:

(a)

l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56;

(b)

il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

2.   il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:

(a)

wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord;

(c)

stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data;

(d)

stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(e)

wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.

4.   il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.

5.   il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.

6.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).

9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

KAPITOLU V

Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 46

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3), kontrollur jew proċessur jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa, u bil-kondizzjoni li jkunu disponibbli drittijiet infurzabbli tas-suġġett tad-data u rimedji legali effettivi għas-suġġetti tad-data.

2.   Is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu previsti, mingħajr ma jkun jinħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità superviżorja, permezz ta':

(a)

strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi;

(b)

regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-Artikolu 47;

(c)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2);

(d)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja u approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); jew

(e)

kodiċi ta' kondotta approvat skont l-Artikolu 40 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; jew

(f)

mekkaniżmu approvat ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu previsti, B'mod partikolari permezz ta':

(a)

klawżoli kuntrattwali bejn il-kontrollur jew il-proċessur u l-kontrollur, il-proċessur jew ir-riċevitur tad-data personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali; jew

(b)

dispożizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 68

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”) huwa b'dan stabbilit bħala korp tal-Unjoni u jkollu personalità ġuridika.

2.   Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.

3.   Il-Bord għandu jkun magħmul mill-kap ta' awtorità superviżorja ta' kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.

4.   Fejn fi Stat Membru jkun hemm aktar minn awtorità superviżorja waħda responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament, għandu jinħatar rappreżentant konġunt f'konformità mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Bord mingħajr dritt tal-vot. Il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant. Il-President tal-Bord għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-attivitajiet tal-Bord.

6.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 65, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu drittijiet tal-vot biss fuq deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni li jikkorrispondu fis-sustanza ma' dawk ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 86

Ipproċessar u aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali

Id-data personali f'dokumenti uffiċjali miżmuma minn awtorità pubblika jew korp pubbliku jew korp privat għat-twettiq ta' kompitu li jitwettaq fl-interess pubbliku tista' tiġi żvelata mill-awtorità jew il-korp f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru li għaliha tkun soġġetta l-awtorità jew il-korp pubbliku sabiex jiġi rikonċiljat l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali mad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 98

Rieżami ta' atti legali oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data

Il-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, tissottometti proposti leġiżlattivi bil-ħsieb li jiġu emendati atti legali oħra tal-Unjoni għall-protezzjoni ta' data personali, sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi u konsistenti ta' persuni fiżiċi individwi fir-rigward tal-ipproċessar. Dan għandu jikkonċerna b'mod partikolari r-regoli relatati mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data.


whereas

dal 2004 diritto e informatica