search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'fis-sens' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 45

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.   Trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.   Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari, tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-istat tad-dritt, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet tas-suġġett tad-data effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-data li tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali tagħhom;

(b)

l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għalihom tkun soġġetta organizzazzjoni internazzjonali, bir-responsabbiltà għall-iżgurar u l-infurzar tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi setgħat ta' nfurzar adegwati għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c)

l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali.

3.   Il-Kummissjoni, wara li tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba' snin, li għandu jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni territorjali u settorjali tiegħu u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja fuq bażi kontinwa l-iżviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn l-informazzjoni disponibbli tiżvela dan, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadux jew ma għadhiex tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

F'każijiet imperattivi u debitament ġustifikati ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li twassal għad-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.   Deċiżjoni skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għal trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz, jew territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 46 sa 49.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji u s-setturi speċifikati f'pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom tkun iddeċidiet li huwa jew li ma għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

9.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 47

Regoli korporattivi vinkolanti

1.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapprova regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza stabbilita fl-Artikolu 63, dment li dawn:

(a)

ikunu legalment vinkolanti u japplikaw għal, u jkunu infurzati minn, kull membru kkonċernat tal-grupp ta' impriżi, jew il-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, inklużi l-impjegati tagħhom;

(b)

espressament jikkonferixxu drittijiet infurzabbli lis-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom; u

(c)

jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2.

2.   Ir-regoli korporattivi vinkolanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw tal-anqas:

(a)

l-istruttura u d-dettalji ta' kuntatt tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta u ta' kull wieħed mill-membri tiegħu;

(b)

it-trasferimenti tad-data jew is-sett ta' trasferimenti, inklużi l-kategoriji ta' data personali, it-tip ta' pproċessar u l-għanijiet tiegħu, it-tip ta' suġġetti tad-data affettwati u l-identifikazzjoni tal-pajjiż jew il-pajjiżi terzi inkwistjoni;

(c)

in-natura legalment vinkolanti tagħhom, kemm internament kif ukoll esternament;

(d)

l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari l-limitazzjoni tal-għan, il-minimizzazzjoni tad-data, il-perijodi ta' ħżin limitati, il-kwalità tad-data, il-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku, il-bażi legali għall-ipproċessar, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, il-miżuri li jiżguraw is-sigurtà tad-data, u r-rekwiżiti fir-rigward ta' trasferimenti ulterjuri lejn korpi li ma jkunux marbuta bir-regoli korporattivi vinkolanti;

(e)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar u l-mezzi għall-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet, inkluż id-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal deċiżjonijiet ibbażati biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta' profili f'konformità mal-Artikolu 22, id-dritt li wieħed iressaq ilment mal-awtorità superviżorja kompetenti u quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 79, u li wieħed jikseb rimedju u, fejn xieraq, kumpens għal ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti;

(f)

l-aċċettazzjoni mill-kontrollur jew il-proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru tar-responsabbiltà għal kwalunkwe ksur tar-regoli korporattivi vinkolanti minn kwalunkwe membru kkonċernat mhux stabbilit fl-Unjoni; il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun eżentat minn dik ir-responsabbiltà, b'mod sħiħ jew parzjali, biss jekk jagħti prova li dak il-membru mhuwiex responsabbli għall-avveniment li ħoloq id-dannu;

(g)

kif l-informazzjoni dwar ir-regoli korporattivi vinkolanti, b'mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (d), (e) u (f) ta' dan il-paragrafu tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14;

(h)

il-kompiti ta' kwalunkwe uffiċjal tal-protezzjoni tad-data maħtur f'konformità mal-Artikolu 37 jew kwalunkwe persuna jew entità oħra inkarigata mill-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, kif ukoll il-monitoraġġ tat-taħriġ u l-ġestjoni tal-ilmenti;

(i)

il-proċeduri tal-ilmenti;

(j)

il-mekkaniżmi fil-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta li jiżguraw il-verifika tal-konformità mar-regoli korporattivi vinkolanti. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu awditi tal-protezzjoni tad-data u metodi li jiżguraw azzjonijiet korrettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Ir-riżultati ta' tali verifika għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna jew l-entità msemmija fil-punt (h) u lill-bord tal-impriża ta' kontroll ta' grupp ta' impriżi jew tal-grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, u għandhom ikunu disponibbli, fuq talba, għall-awtorità superviżorja kompetenti;

(k)

il-mekkaniżmi għar-rappurtar u r-reġistrazzjoni ta' bidliet fir-regoli u r-rappurtar ta' dawk il-bidliet lill-awtorità superviżorja;

(l)

il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja biex tiġi żgurata konformità minn kwalunkwe membru tal-grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta, b'mod partikolari billi jagħmel disponibbli għall-awtorità superviżorja r-riżultati ta' verifiki tal-miżuri msemmija fil-punt (j);

(m)

il-mekkaniżmi għar-rappurtar lill-awtorità superviżorja kompetenti ta' kwalunkwe rekwiżit legali li għalih membru tal-grupp ta' impriżi jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta ikun soġġett f'pajjiż terz li x'aktarx jista' jkollu effett negattiv sostanzjali fuq il-garanziji previsti mir-regoli korporattivi vinkolanti; u

(n)

it-taħriġ xieraq fil-protezzjoni tad-data lil persunal li jkollu aċċess permanenti jew regolari għad-data personali.

3.   Il-Kummissjoni tista' tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn kontrolluri, proċessuri u awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti fis-sens ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 93

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU XI

Dispożizzjonijiet finali


whereas

dal 2004 diritto e informatica