search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'fil-kapitolu' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index fil-kapitolu:


whereas fil-kapitolu:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 473

 

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 28

Proċessur

1.   Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 91

Regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data ta' knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi

1.   Fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, regoli komprensivi b'rabta mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità superviżorja indipendenti, li tista' tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-kapitolu VI ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU X

Atti delegati u atti ta' implimentazzjoni


whereas

dal 2004 diritto e informatica