search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'effettivi' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 32

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:

(a)

il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ tad-data personali;

(b)

il-kapaċità li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u r-reżiljenza kontinwi tas-sistemi u s-servizzi ta' pproċessar;

(c)

il-kapaċità li jiġu restawrati d-disponibbiltà u l-aċċess għad-data personali fil-pront fil-każ ta' inċident fiżiku jew tekniku;

(d)

proċess sabiex tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata l-effettività tal-miżuri tekniċi u organizzattivi li jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar.

2.   Fl-evalwazzjoni tal-livell xieraq ta' sigurtà ser jitqiesu b'mod partikolari r-riskji li jippreżenta l-ipproċessar, partikolarment minn qerda, telf, bidla, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata mod ieħor, li jkun aċċidentali jew illegali.

3.   L-osservanza ta' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur li jkollhom aċċess għal data personali ma jipproċessawhiex ħlief fuq istruzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

Artikolu 45

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.   Trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.   Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari, tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-istat tad-dritt, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet tas-suġġett tad-data effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-data li tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali tagħhom;

(b)

l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għalihom tkun soġġetta organizzazzjoni internazzjonali, bir-responsabbiltà għall-iżgurar u l-infurzar tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi setgħat ta' nfurzar adegwati għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c)

l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali.

3.   Il-Kummissjoni, wara li tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba' snin, li għandu jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni territorjali u settorjali tiegħu u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja fuq bażi kontinwa l-iżviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn l-informazzjoni disponibbli tiżvela dan, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadux jew ma għadhiex tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

F'każijiet imperattivi u debitament ġustifikati ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li twassal għad-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.   Deċiżjoni skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għal trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz, jew territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 46 sa 49.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji u s-setturi speċifikati f'pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom tkun iddeċidiet li huwa jew li ma għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

9.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 46

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3), kontrollur jew proċessur jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa, u bil-kondizzjoni li jkunu disponibbli drittijiet infurzabbli tas-suġġett tad-data u rimedji legali effettivi għas-suġġetti tad-data.

2.   Is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu previsti, mingħajr ma jkun jinħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità superviżorja, permezz ta':

(a)

strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi;

(b)

regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-Artikolu 47;

(c)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2);

(d)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja u approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); jew

(e)

kodiċi ta' kondotta approvat skont l-Artikolu 40 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; jew

(f)

mekkaniżmu approvat ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu previsti, B'mod partikolari permezz ta':

(a)

klawżoli kuntrattwali bejn il-kontrollur jew il-proċessur u l-kontrollur, il-proċessur jew ir-riċevitur tad-data personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali; jew

(b)

dispożizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 83

Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f'kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma', jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f'kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b'kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta' suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta' dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

(d)

il-grad ta' responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b'kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

(f)

il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

(g)

il-kategoriji ta' data personali affettwati mill-ksur;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

(i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma' dawk il-miżuri;

(j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta' kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b'negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta' pproċessar jew għal dawk b'rabta ma' xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

(b)

l-obbligi tal-korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;

(c)

l-obbligi tal-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

(b)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;

(c)

it-trasferimenti ta' data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;

(d)

kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-Kapitolu IX;

(e)

nuqqas ta' konformità ma' ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta' flussi ta' data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-Artikolu 58(1).

6.   Nuqqas ta' konformità ma' ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta' awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista' jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

9.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 84

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament b'mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU IX

Dispożizzjonijiet b'rabta ma' sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar


whereas

dal 2004 diritto e informatica