interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 3 Artikolu 38 Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data
- 1 Artikolu 41 Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati
- 1 Artikolu 43 Korpi ta' ċertifikazzjoni
- 1 Artikolu 52 Indipendenza
- 3 Artikolu 53 Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja
- 2 Artikolu 54 Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja
- superviżorja 36
- għandhom 19
- tad-data 19
- għandu 19
- tagħhom 18
- ċertifikazzjoni 18
- kompetenti 17
- l-artikolu 14
- membru 13
- skont 13
- tal-protezzjoni 13
- awtorità 13
- kull 13
- tal-awtorità 11
- dawk 11
- biex 10
- għal 9
- minn 9
- msemmija 9
- konformità 8
- stat 8
- tagħha 7
- jekk 7
- ir-regolament 7
- tiegħu 7
- tal-kompiti 6
- fil-paragrafu 6
- il-membri 6
- korp 6
- artikolu 6
- fejn 6
- kull 6
- jiżgura 5
- espert 5
- kwalunkwe 5
- tal-kodiċi 5
- dwar 5
- s-setgħat 5
- preġudizzju 5
- hija 5
- meħtieġa 5
- personali 5
- ikun 5
- kollha 5
- jiġu 5
- mill-awtorità 5
- matul 5
- għas-sodisfazzjon 4
- imsemmi 4
- taħt 4
Artikolu 38
Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data
1. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkun involut kif dovut u mingħajr dewmien fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali.
2. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jappoġġaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 39 billi jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq dawk il-kompiti u aċċess għad-data personali u l-attivitajiet ta' pproċessar, u jsostnu l-għarfien espert tiegħu.
3. Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jiżguraw li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma jirċievi l-ebda istruzzjoni dwar l-eżerċizzju ta' dawk il-kompiti. Ma għandux jitkeċċa jew ikun penalizzat mill-kontrollur jew mill-proċessur minħabba t-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jirrapporta b'mod dirett lill-ogħla livell ta' maniġment tal-kontrollur jew tal-proċessur.
4. Is-suġġetti tad-data jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u għall-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.
5. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jkunu marbut b'segretezza jew b'kunfidenzjalità dwar il-qadi ta' dmirijietu, skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.
6. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jwettaq kompiti u dmirijiet oħra. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiżgura li kwalunkwe minn dawn il-kompiti u dmirijiet ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.
Artikolu 41
Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-monitoraġġ tal-konformità ma' kodiċi ta' kondotta skont l-Artikolu 40, jista' jitwettaq minn korp li għandu l-livell xieraq ta' għarfien espert b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi u huwa akkreditat għal dak il-għan mill-awtorità superviżorja kompetenti.
2. Korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi akkreditat biex jimmonitorja konformita' ma' kodiċi ta' kondotta fejn dak il-korp:
(a) | ikun wera l-indipendenza u l-għarfien espert tiegħu b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti; |
(b) | ikun stabbilixxa proċeduri li jippermettu li jivvaluta l-eliġibbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati bl-applikazzjoni tal-kodiċi, biex jissorveljaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu u biex iwettqu rieżami tal-attività tiegħu b'mod perjodiku; |
(c) | ikun stabbilixxa proċeduri u strutturi biex jittratta lmenti dwar ksur tal-kodiċi jew il-mod li bih il-kodiċi ġie, jew qed jiġi, implimentat minn kontrollur jew proċessur, u biex dawk il-proċeduri u strutturi jkunu trasparenti għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u |
(d) | huwa wera għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti li l-kompiti u d-dmirijiet tiegħu ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi. |
3. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tippreżenta l-abbozz ta' kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Bord skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.
4. Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti u għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII, korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu, soġġett għas-salvagwardji xierqa, jieħu azzjoni xierqa f'każijiet ta' ksur tal-kodiċi minn kontrollur jew proċessur, inkluż is-sospensjoni jew l-esklużjoni tal-kontrollur jew proċessur kkonċernat mill-kodiċi. Huwa għandu jinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti b'dawn l-azzjonijiet u r-raġunijiet għaliex ittieħdu.
5. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tirrevoka l-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux milħuqa jew m'għadhomx jintlaħqu jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp jiksru dan ir-Regolament.
6. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi.
Artikolu 43
Korpi ta' ċertifikazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:
(a) | l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56; |
(b) | il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56. |
2. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:
(a) | wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti; |
(b) | impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord; |
(c) | stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data; |
(d) | stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u |
(e) | wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi. |
3. L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.
4. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.
5. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.
6. Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).
9. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
KAPITOLU V
Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali
Artikolu 52
Indipendenza
1. Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f'konformità ma' dan ir-Regolament.
2. Il-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f'konformità ma' dan ir-Regolament, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, sew jekk tkun diretta jew indiretta, u m'għandhomx ifittxu u jieħdu istruzzjonijiet mingħand ħadd.
3. Membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe okkupazzjoni inkompatibbli, sew jekk bi qligħ jew le.
4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta' assistenza, kooperazzjoni u parteċipazzjoni reċiproki fil-Bord.
5. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja konċernata.
6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati u pubbliċi, li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.
Artikolu 53
Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull membru tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom jinħatar permezz ta' proċedura trasparenti minn:
— | il-parlament tagħhom; |
— | il-gvern tagħhom; |
— | il-Kap ta' Stat tagħhom; jew |
— | korp indipendenti fdat bil-ħatra taħt il-liġi tal-Istat Membru. |
2. Kull membru għandu jkollu l-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet meħtieġa, b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, biex iwettaq dmirijietu u jeżerċita s-setgħat tiegħu.
3. Id-dmirijiet ta' membru għandhom jintemmu fil-każ tal-iskadenza tal-mandat, ta' riżenja jew ta' rtirar obbligatorju f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.
4. Membru għandu jitkeċċa biss f'każijiet ta' mġiba ħażina serja jew jekk il-membru ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet.
Artikolu 54
Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja
1. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:
(a) | l-istabbiliment ta' kull awtorità superviżorja; |
(b) | il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa biex wieħed jinħatar membru ta' kull awtorità superviżorja; |
(c) | ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja; |
(d) | it-tul tal-mandat tal-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja ta' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara l-24 ta' Mejju 2016, li parti minnu jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak jinħtieġ għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma; |
(e) | jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm-il mandat il-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja hu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid; |
(f) | il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg. |
2. Il-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta' segretezza professjonali kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir ta' segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament.
whereas
dal 2004 diritto e informatica