search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'direttiva' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index direttiva:


whereas direttiva:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1018

 

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni materjali

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta' data personali kompletament jew parzjalment b'mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b'mezzi awtomatizzati ta' data personali li tifforma parti minn sistema ta' arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta' arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(c)

minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika.

3.   Għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 98.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-direttiva 2000/31/KE, b'mod partikolari tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji fl-Artikoli 12 sa 15 ta' dik id-direttiva.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(2)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(3)

“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(4)

“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;

(5)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(6)

“sistema ta' arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(7)

“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(8)

“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;

(9)

“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru m'għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

(10)

“parti terza” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;

(11)

“kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b'mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta' dikjarazzjoni jew permezz ta' azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta' data personali relatata miegħu;

(12)

“ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor;

(13)

data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b'mod partikolari, minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

(14)

data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

(15)

data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta' persuna fiżika, inkluża l-provvista ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta' saħħitha;

(16)

“stabbiliment ewlieni” tfisser:

(a)

fir-rigward ta' kontrollur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni u dan l-istabbiliment tal-aħħar ikollu s-setgħa li jesiġi l-implimentazzjoni ta' tali deċiżjonijiet, u f'dan il-każ l-istabbiliment li jkun ħa tali deċiżjonijiet għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni;

(b)

fir-rigward ta' proċessur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, jew, jekk il-proċessur ma jkollu l-ebda amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, l-istabbiliment tal-proċessur fl-Unjoni fejn isiru l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment tal-proċessur sa fejn il-proċessur ikun soġġett għal obbligi speċifiċi taħt dan ir-Regolament;

(17)

“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, maħtura bil-miktub mill-kontrollur jew mill-proċessur skont l-Artikolu 27, tirrappreżenta l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-obbligi rispettivi skont dan ir-Regolament;

(18)

“impriża” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, inkluż sħubiji jew assoċjazzjonijiet regolarment involuti f'attività ekonomika;

(19)

“grupp ta' impriżi” tfisser impriża li tikkontrolla u l-impriżi kkontrollati minnha;

(20)

“regoli korporattivi vinkolanti” tfisser politiki ta' protezzjoni tad-data personali li jiġu sodisfatti minn kontrollur jew proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru għal trasferimenti jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lil kontrollur jew proċessur f'pajjiż terz wieħed jew aktar fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta;

(21)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51;

(22)

“awtorità superviżorja kkonċernata” tfisser awtorità superviżorja li tkun ikkonċernata bl-ipproċessar ta' data personali peress li:

(a)

il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja;

(b)

is-suġġetti tad-data li jgħixu fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja jiġu affettwati sostanzjalment jew x'aktarx li jkunu ser jiġu affettwati sostanzjalment mill-ipproċessar; jew

(c)

ikun tressaq ilment quddiem dik l-awtorità superviżorja;

(23)

“ipproċessar transkonfinali” tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbilimenti f'iktar minn Stat Membru wieħed ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x'aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.

(24)

“oġġezzjoni rilevanti u motivata” tfisser oġġezzjoni għal abbozz ta' deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament, jew jekk azzjoni maħsuba fir-rigward tal-kontrollur jew il-proċessur tkunx konformi ma' dan ir-Regolament, li turi b'mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta' deċiżjoni rigward id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u fejn applikabbli, iċ-ċirkolazzjoni libera ta' data personali fi ħdan l-Unjoni;

(25)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(26)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.

KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 21

Dritt ta' oġġezzjoni

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta' data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta' profili abbażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa' jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

2.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta.

3.   Fejn is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għal għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma għandhiex tibqa' tiġi pproċessata għal tali għanijiet.

4.   Mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, id-dritt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod espliċitu u għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.

5.   Fil-kuntest tal-użu ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u minkejja d-direttiva 2002/58/KE, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona b'mezzi awtomatizzati bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi.

6.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1), is-suġġett tad-data, għal raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għandu d-dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah, sakemm l-ipproċessar ma jkunx neċessarju għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.

Artikolu 45

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.   Trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.   Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari, tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-istat tad-dritt, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet tas-suġġett tad-data effettivi u infurzabbli u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-suġġetti tad-data li tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali tagħhom;

(b)

l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għalihom tkun soġġetta organizzazzjoni internazzjonali, bir-responsabbiltà għall-iżgurar u l-infurzar tal-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi setgħat ta' nfurzar adegwati għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-suġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c)

l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali.

3.   Il-Kummissjoni, wara li tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba' snin, li għandu jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni territorjali u settorjali tiegħu u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja fuq bażi kontinwa l-iżviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-direttiva 95/46/KE.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fejn l-informazzjoni disponibbli tiżvela dan, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, jew territorju jew settur speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadux jew ma għadhiex tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni fis-sens tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

F'każijiet imperattivi u debitament ġustifikati ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li twassal għad-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.   Deċiżjoni skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għal trasferimenti ta' data personali lejn pajjiż terz, jew territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 46 sa 49.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji u s-setturi speċifikati f'pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li għalihom tkun iddeċidiet li huwa jew li ma għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

9.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 46

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 45(3), kontrollur jew proċessur jista' jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali biss jekk il-kontrollur jew il-proċessur ikun ipprovda salvagwardji xierqa, u bil-kondizzjoni li jkunu disponibbli drittijiet infurzabbli tas-suġġett tad-data u rimedji legali effettivi għas-suġġetti tad-data.

2.   Is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu previsti, mingħajr ma jkun jinħtieġ ebda awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità superviżorja, permezz ta':

(a)

strument legalment vinkolanti u infurzabbli bejn awtoritajiet jew korpi pubbliċi;

(b)

regoli korporattivi vinkolanti f'konformità mal-Artikolu 47;

(c)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2);

(d)

klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data adottati minn awtorità superviżorja u approvati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2); jew

(e)

kodiċi ta' kondotta approvat skont l-Artikolu 40 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data; jew

(f)

mekkaniżmu approvat ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42 flimkien ma' impenji vinkolanti u infurzabbli tal-kontrollur jew il-proċessur fil-pajjiż terz biex jiġu applikati s-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

3.   Soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti, is-salvagwardji xierqa msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu previsti, B'mod partikolari permezz ta':

(a)

klawżoli kuntrattwali bejn il-kontrollur jew il-proċessur u l-kontrollur, il-proċessur jew ir-riċevitur tad-data personali fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali; jew

(b)

dispożizzjonijiet li għandhom jiddaħħlu f'arranġamenti amministrattivi bejn l-awtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-awtorizzazzjonijiet minn Stat Membru jew awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 26(2) tad-direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu validi sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn dik l-awtorità superviżorja. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 26(4) tad-direttiva 95/46/KE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra, jekk meħtieġ, minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 94

Tħassir tad-direttiva 95/46/KE

1.   Id-direttiva 95/46/KE titħassar b'effett mill-25 ta' Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-direttiva 95/46/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit b'dan ir-Regolament.

Artikolu 95

Relazzjoni mad-direttiva 2002/58/KE

Dan ir-Regolament m'għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b'rabta mal-provvediment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni fl-Unjoni b'rabta ma' kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-direttiva 2002/58/KE.

Artikolu 97

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-25 ta' Mejju 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament ta':

(a)

il-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament u deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-direttiva 95/46/KE;

(b)

il-Kapitolu VII dwar kooperazzjoni u konsistenza.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi tieħu kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.

Artikolu 99

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Huwa għandu japplika mill-25 ta' Mejju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' April 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J.A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016.

(4)  Id-direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u l-moviment liberu ta' dik id-data u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ara l-paġna 89 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)( ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(9)  direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(10)  direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

(11)  Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p.1).

(14)  direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p.90).

(15)  Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-direttiva 2001/20/KE (ĠU L 158 27.5.2014, p. 1).

(16)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(17)  ĠU C 192, 30.6.2012, p. 7.

(18)  direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p.37).

(19)  direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

(20)  Regolament (KE) 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(21)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


whereas

dal 2004 diritto e informatica