search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tal-inqas' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas tal-inqas:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 377

 

Artikolu 23

Restrizzjonijiet

1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista' tirrestrinġi permezz ta' miżura leġiżlattiva l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta':

(a)

is-sigurtà nazzjonali;

(b)

id-difiża;

(c)

is-sigurtà pubblika;

(d)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika;

(e)

objettivi importanti oħrajn ta' interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, b'mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

(f)

il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

(g)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' ksur ta' etika għal professjonijiet regolati;

(h)

funzjoni ta' monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali f'każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);

(i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn;

(j)

l-infurzar ta' pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.

2.   B'mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:

(a)

il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar,

(b)

il-kategoriji ta' data personali,

(c)

l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti,

(d)

is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali;

(e)

l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri,

(f)

il-perijodi ta' ħażna u s-salvagwardji applikabbli b'kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;

(g)

ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u

(h)

id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.

KAPITOLU IV

Kontrollur u proċessur

Taqsima 1

Obbligi ġenerali

Artikolu 35

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   Fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

2.   Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

3.   Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':

(a)

evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika;

(b)

l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)

il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.

5.   L-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.

6.   Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.

7.   Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;

(b)

valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet;

(c)

valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u

(d)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

8.   Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

9.   Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.

10.   Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.

11.   Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.


whereas

dal 2004 diritto e informatica