search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tal-artikolu ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index tal-artikolu :


whereas tal-artikolu :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 985

 

Artikolu 8

Kondizzjonijiet applikabbli għall-kunsens ta' minorenni fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

1.   Fejn ikun japplika l-punt (a) tal-artikolu 6(1), fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni direttament lil minorenni, l-ipproċessar tad-data personali ta' minorenni jkun skont il-liġi fejn il-minorenni jkollu mill-inqas l-età ta' 16-il sena. Fejn il-minorenni jkollu anqas minn 16-il sena, tali pproċessar ikun legali biss jekk, u sal-punt li, il-kunsens jingħata jew jiġi awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur fuq il-minorenni.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal età inqas għal dawk il-finijiet sakemm tali età inqas ma tkunx inqas minn 13-il sena.

2.   Il-kontrollur għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jivverifika f'tali każijiet li l-kunsens jingħata jew jiġi awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur fuq il-minorenni, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt ġenerali tal-Istati Membri dwar il-kuntratti bħar-regoli dwar il-validità, it-tiswir jew l-effett ta' kuntratt fir-rigward ta' minorenni.

Artikolu 17

Dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”)

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

(b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

(c)

is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

(d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

(e)

id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma' obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(f)

id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

(a)

għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni;

(b)

għal konformità ma' obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(c)

għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f'konformità mal-punti (h) u (i) tal-artikolu 9(2) kif ukoll mal-Artikolu 9(3);

(d)

għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x'aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar; jew

(e)

għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

Artikolu 20

Dritt għall-portabbiltà tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirċievi d-data personali li tikkonċerna lilu, li huwa jkun ipprovda lil kontrollur, f'format strutturat, użat komunement u li jinqara permezz ta' magna u jkollu d-dritt li jibgħat dik d-data lil kontrollur ieħor mingħajr tfixkil mingħand il-kontrollur li lilu tkun ingħatat id-data personali, fejn:

(a)

l-ipproċessar ikun ibbażat fuq kunsens skont il-punt (a) tal-artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-artikolu 9(2) jew fuq kuntratt skont il-punt (b) tal-artikolu 6(1); u

(b)

l-ipproċessar jitwettaq b'mezzi awtomatizzati.

2.   Fl-eżerċitar tad-dritt tiegħu għall-portabbiltà tad-data skont il-paragrafu 1, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jkollu d-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal kontrollur ieħor, fejn dan ikun teknikament fattibbli.

3.   L-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17. Dak id-dritt ma għandux japplika għall-ipproċessar meħtieġ għall-prestazzjoni ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

4.   Id-dritt msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa b'mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Taqsima 4

Dritt ta' oġġezzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

Artikolu 21

Dritt ta' oġġezzjoni

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta' data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta' profili abbażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa' jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

2.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta.

3.   Fejn is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għal għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma għandhiex tibqa' tiġi pproċessata għal tali għanijiet.

4.   Mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, id-dritt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod espliċitu u għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.

5.   Fil-kuntest tal-użu ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u minkejja d-Direttiva 2002/58/KE, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona b'mezzi awtomatizzati bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi.

6.   Fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1), is-suġġett tad-data, għal raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għandu d-dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah, sakemm l-ipproċessar ma jkunx neċessarju għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.

Artikolu 30

Reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar

1.   Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(c)

deskrizzjoni tal-kategoriji ta' suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta' data personali;

(d)

il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(e)

fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa;

(f)

fejn ikun possibbli, il-limiti ta' żmien imbassrin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta' data;

(g)

fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).

2.   Kull proċessur u, fejn applikabbli, rappreżentant tal-proċessur għandhom iżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f'isem kontrollur, li jkun fih:

(a)

l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur jew proċessuri u ta' kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f'ismu, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b)

il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f'isem kull kontrollur;

(c)

fejn applikabbli, trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta' trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta' salvagwardji xierqa;

(d)

fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).

3.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

4.   Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.

5.   L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal impriża jew organizzazzjoni li timpjega inqas minn 250 persuna ħlief jekk l-ipproċessar li twettaq x'aktarx jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar mhuwiex okkażjonali, jew l-ipproċessar jinkludi kategoriji speċjali ta' data kif imsemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 34

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

1.   Meta l-ksur ta' data personali probabbilment ikun ser jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi l-kontrollur għandu jikkomunika l-ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b'lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta' data personali u tinkludi mill-inqas l-informazzjoni u l-miżuri imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-artikolu 33(3).

3.   Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun sodisfatta:

(a)

il-kontrollur ikun implimenta miżuri ta' protezzjoni tekniċi u organizzattivi xierqa, u dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta' data personali, b'mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;

(b)

il-kontrollur ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;

(c)

tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F'każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b'mod għaldaqstant effettiv.

4.   Jekk il-kontrollur ma jkunx diġà kkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkunsidrat il-probabbiltà li l-ksur tad-data personali li jirriżulta f'riskju għoli, tista' titolbu jagħmel dan jew tista' tiddeċiedi li xi kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ikunu sodisfatti.

Taqsima 3

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u konsultazzjoni minn QABEL

Artikolu 40

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta' kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta':

(a)

l-ipproċessar ġust u trasparenti;

(b)

l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrolluri f'kuntesti speċifiċi;

(c)

il-ġbir tad-data personali;

(d)

il-psewdonimizzazzjoni ta' data personali;

(e)

l-informazzjoni provduta lill-pubbliku u lis-suġġetti tad-data;

(f)

l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;

(g)

l-informazzjoni provduta lil, u l-protezzjoni ta', minorenni, u l-mod kif jinkiseb il-kunsens tad-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenituri fir-rigward ta' minorenni;

(h)

il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 24 u 25 u l-miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 32;

(i)

in-notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet superviżorji u l-komunikazzjoni ta' tali ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data;

(j)

trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(k)

proċeduri barra l-qorti u proċeduri oħrajn ta' riżoluzzjoni ta' tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-kontrolluri u s-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 77 u 79.

3.   Minbarra l-konformità mill-kontrolluri jew il-proċessuri suġġett għal dan ir-Regolament, il-kodiċijiet ta' kondotta approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u li jkollhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu jistgħu wkoll jiġu osservati minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 sabiex jipprovdu salvagwardji xierqa fi ħdan il-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (e) tal-artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u eżegwibbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħra, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Kodiċi ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun fih mekkaniżmi li jippermettu lill-korp imsemmi fl-Artikolu 41(1) biex iwettaq il-monitoraġġ obbligatorju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-kontrolluri jew il-proċessuri li japplikawh, mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta' kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.

6.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5 tapprova l-abbozz ta' kodiċi, jew l-emenda jew l-estensjoni, u fejn il-kodiċi ta' kondotta konċernat mhux marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja għandha tirreġistra u tippubblika l-kodiċi.

7.   Fejn abbozz ta' kodiċi ta' kondotta huwa marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja li hi kompetenti skont l-Artikolu 55 għandha, qabel ma tapprova l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, tippreżentahom fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 63 lill-Bord li għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jipprovdux salvagwardji xierqa.

8.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 7 tikkonferma li l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, jew, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jipprovdu salvagwardji xierqa, il-Bord għandu jippreżenta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi jew l-estensjonijiet approvati ppreżentati lilha skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

10.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-reklamar xieraq għall-kodiċijiet approvati li jkun ġie deċiż li għandhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9.

11.   Il-Bord għandu jiġbor il-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi u l-estensjonijiet kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku b'mezzi xierqa.

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 83

Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f'kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma', jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f'kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b'kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta' suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta' dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

(d)

il-grad ta' responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b'kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

(f)

il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

(g)

il-kategoriji ta' data personali affettwati mill-ksur;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

(i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma' dawk il-miżuri;

(j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta' kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b'negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta' pproċessar jew għal dawk b'rabta ma' xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

(b)

l-obbligi tal-korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;

(c)

l-obbligi tal-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

(b)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;

(c)

it-trasferimenti ta' data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;

(d)

kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-Kapitolu IX;

(e)

nuqqas ta' konformità ma' ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta' flussi ta' data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-artikolu 58(1).

6.   Nuqqas ta' konformità ma' ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta' awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista' jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

9.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 97

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-25 ta' Mejju 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament ta':

(a)

il-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament u deċiżjonijiet adottati abbażi tal-artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

il-Kapitolu VII dwar kooperazzjoni u konsistenza.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi tieħu kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.


whereas

dal 2004 diritto e informatica