search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'tal-ħażna' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas tal-ħażna:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 450

 

Artikolu 5

Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali

1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b'mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (“legalità, ġustizzja u trasparenza”);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod inkompatibbli ma' dawk il-finijiet; f'konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (“limitazzjoni tal-fini”);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b'rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”);

(d)

tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b'kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (“preċiżjoni”);

(e)

tinżamm f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista' tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (“limitazzjoni tal-ħażna”);

(f)

tiġi pproċessata b'mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta' miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“integrità u kunfidenzjalità”).

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (“responsabbiltà”).

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 18

Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

(a)

is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali;

(b)

l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

(c)

il-kontrollur ma jkollux aktar bżonn tad-data personali għall-għanijiet tal-ipproċessar, iżda din tkun meħtieġa mis-suġġett tad-data għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali;

(d)

is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data.

2.   Fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista', bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta' interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

3.   Is-suġġett tad-data li kiseb ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont il-paragrafu 1 għandu jiġi infurmat mill-kontrollur qabel ma titneħħa r-restrizzjoni tal-ipproċessar.

Artikolu 25

Protezzjoni ta' data mid-disinn u b'mod awtomatiku

1.   Wara li jikkunsidra l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, il-kontrollur għandu, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

2.   Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta' persuni fiżiċi.

3.   Jista' jintuża mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat skont l-Artikolu 42 bħala element li juri l-osservanza tar-rekwiżiti mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.


whereas

dal 2004 diritto e informatica