search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'l-kapitolu' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index l-kapitolu:


whereas l-kapitolu:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1105

 

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni materjali

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta' data personali kompletament jew parzjalment b'mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b'mezzi awtomatizzati ta' data personali li tifforma parti minn sistema ta' arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta' arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta' data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE;

(c)

minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika.

3.   Għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 98.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE, b'mod partikolari tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji fl-Artikoli 12 sa 15 ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 28

Proċessur

1.   Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 41

Monitoraġġ ta' kodiċijiet ta' kondotta approvati

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-monitoraġġ tal-konformità ma' kodiċi ta' kondotta skont l-Artikolu 40, jista' jitwettaq minn korp li għandu l-livell xieraq ta' għarfien espert b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi u huwa akkreditat għal dak il-għan mill-awtorità superviżorja kompetenti.

2.   Korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi akkreditat biex jimmonitorja konformita' ma' kodiċi ta' kondotta fejn dak il-korp:

(a)

ikun wera l-indipendenza u l-għarfien espert tiegħu b'rabta mas-suġġett tal-kodiċi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

ikun stabbilixxa proċeduri li jippermettu li jivvaluta l-eliġibbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati bl-applikazzjoni tal-kodiċi, biex jissorveljaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tiegħu u biex iwettqu rieżami tal-attività tiegħu b'mod perjodiku;

(c)

ikun stabbilixxa proċeduri u strutturi biex jittratta lmenti dwar ksur tal-kodiċi jew il-mod li bih il-kodiċi ġie, jew qed jiġi, implimentat minn kontrollur jew proċessur, u biex dawk il-proċeduri u strutturi jkunu trasparenti għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(d)

huwa wera għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti li l-kompiti u d-dmirijiet tiegħu ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tippreżenta l-abbozz ta' kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Bord skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti u għad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu VIII, korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu, soġġett għas-salvagwardji xierqa, jieħu azzjoni xierqa f'każijiet ta' ksur tal-kodiċi minn kontrollur jew proċessur, inkluż is-sospensjoni jew l-esklużjoni tal-kontrollur jew proċessur kkonċernat mill-kodiċi. Huwa għandu jinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti b'dawn l-azzjonijiet u r-raġunijiet għaliex ittieħdu.

5.   L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tirrevoka l-akkreditazzjoni ta' korp kif imsemmi fil-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jkunux milħuqa jew m'għadhomx jintlaħqu jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp jiksru dan ir-Regolament.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-ipproċessar imwettaq mill-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi.

Artikolu 43

Korpi ta' ċertifikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:

(a)

l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56;

(b)

il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

2.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:

(a)

wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti;

(b)

impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord;

(c)

stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data;

(d)

stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u

(e)

wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi.

3.   L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.

4.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.

5.   Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.

6.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).

9.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

KAPITOLU V

Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 44

Prinċipju ġenerali għal trasferimenti

Kwalunkwe trasferiment ta' data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew hija maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss jekk, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, il-kontrollur u l-proċessur ikunu f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-kapitolu, inkluż għal trasferimenti ulterjuri ta' data personali mill-pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz ieħor jew lejn organizzazzjoni internazzjonali oħra. Id-dispożizzjonijiet kollha f'dan il-kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li ma għandux jiddgħajjef il-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit minn dan ir-Regolament.

Artikolu 48

Trasferimenti jew żvelar mhux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni

Kwalunkwe sentenza ta' qorti jew tribunal u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li jirrikjedu li kontrollur jew proċessur jittrasferixxi jew jiżvela data personali ma jistgħu jkunu rikonoxxuti jew infurzabbli b'ebda mod ħlief jekk ikunu bbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat ta' assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz li qed jagħmel it-talba u l-Unjoni jew Stat Membru, mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra tat-trasferiment skont dan il-kapitolu.

Artikolu 51

Awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni (“awtorità superviżorja”).

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni f'konformità mal-kapitolu VII.

3.   Fejn ikunu ġew stabbiliti aktar minn awtorità superviżorja waħda fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità superviżorja li trid tirrappreżenta dawk l-awtoritajiet fil-Bord u għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmu biex jiżgura l-konformità mill-awtoritajiet l-oħra mar-regoli relatati mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont dan il-kapitolu, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 58

Setgħat

1.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

(a)

li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(b)

li twettaq investigazzjonijiet fil-forma ta' awditi tal-protezzjoni tad-data;

(c)

li twettaq rieżami ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 42(7);

(d)

li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament;

(e)

li tikseb, mill-kontrollur u l-proċessur, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(f)

li tikseb aċċess għal kwalunkwe bini tal-kontrollur u l-proċessur, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezz għall-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.

2.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

(a)

li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta' pproċessar maħsuba x'aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(b)

li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta' pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(c)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;

(d)

li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta' pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, fejn xieraq, b'mod speċifiku u f'perijodu ta' żmien speċifiku;

(e)

li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data;

(f)

li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;

(g)

li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta' tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19;

(h)

li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni;

(i)

li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma', jew minflok il-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali;

(j)

li tordna s-sospensjoni ta' flussi ta' data lejn riċevitur f'pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.

3.   Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta' awtorizzazzjoni li ġejjin:

(a)

li tagħti parir lill-kontrollur f'konformità mal-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36;

(b)

li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali;

(c)

li tawtorizza l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 36(5), jekk il-liġi tal-Istat Membru teħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel;

(d)

li toħroġ opinjoni u tapprova abbozzi ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(5);

(e)

li takkredita korpi ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(f)

li toħroġ ċertifikazzjonijiet u tapprova kriterji ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 42(5);

(g)

li tadotta l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);

(h)

li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3);

(i)

li tawtorizza l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3);

(j)

li tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47.

4.   L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Karta.

5.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b'mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

6.   Kull Stat Membru jista' jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-kapitolu VII.

Artikolu 83

Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f'kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma', jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f'kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b'kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta' suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta' dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

(d)

il-grad ta' responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b'kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

(f)

il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

(g)

il-kategoriji ta' data personali affettwati mill-ksur;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

(i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma' dawk il-miżuri;

(j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta' kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b'negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta' pproċessar jew għal dawk b'rabta ma' xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

(b)

l-obbligi tal-korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;

(c)

l-obbligi tal-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

(b)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;

(c)

it-trasferimenti ta' data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;

(d)

kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-kapitolu IX;

(e)

nuqqas ta' konformità ma' ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta' flussi ta' data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-Artikolu 58(1).

6.   Nuqqas ta' konformità ma' ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta' awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista' jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

9.   Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 85

Ipproċessar u libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta' espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.   Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta' espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-kapitolu II (prinċipji), il-kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta' data personali mal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 91

Regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data ta' knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi

1.   Fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, regoli komprensivi b'rabta mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità superviżorja indipendenti, li tista' tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-kapitolu VI ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU X

Atti delegati u atti ta' implimentazzjoni

Artikolu 97

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Sal-25 ta' Mejju 2020 u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.   Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament ta':

(a)

il-kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament u deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE;

(b)

il-kapitolu VII dwar kooperazzjoni u konsistenza.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.   Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet u r-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew, u tal-Kunsill, u ta' korpi jew sorsi rilevanti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tissottometti proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi tieħu kont tal-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat tal-progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.


whereas

dal 2004 diritto e informatica