search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'eżistenti' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas eżistenti:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 506

 

Artikolu 28

Proċessur

1.   Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 40

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta' kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta':

(a)

l-ipproċessar ġust u trasparenti;

(b)

l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrolluri f'kuntesti speċifiċi;

(c)

il-ġbir tad-data personali;

(d)

il-psewdonimizzazzjoni ta' data personali;

(e)

l-informazzjoni provduta lill-pubbliku u lis-suġġetti tad-data;

(f)

l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;

(g)

l-informazzjoni provduta lil, u l-protezzjoni ta', minorenni, u l-mod kif jinkiseb il-kunsens tad-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenituri fir-rigward ta' minorenni;

(h)

il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 24 u 25 u l-miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 32;

(i)

in-notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet superviżorji u l-komunikazzjoni ta' tali ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data;

(j)

trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(k)

proċeduri barra l-qorti u proċeduri oħrajn ta' riżoluzzjoni ta' tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-kontrolluri u s-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 77 u 79.

3.   Minbarra l-konformità mill-kontrolluri jew il-proċessuri suġġett għal dan ir-Regolament, il-kodiċijiet ta' kondotta approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u li jkollhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu jistgħu wkoll jiġu osservati minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 sabiex jipprovdu salvagwardji xierqa fi ħdan il-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u eżegwibbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħra, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Kodiċi ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun fih mekkaniżmi li jippermettu lill-korp imsemmi fl-Artikolu 41(1) biex iwettaq il-monitoraġġ obbligatorju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-kontrolluri jew il-proċessuri li japplikawh, mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta' kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.

6.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5 tapprova l-abbozz ta' kodiċi, jew l-emenda jew l-estensjoni, u fejn il-kodiċi ta' kondotta konċernat mhux marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja għandha tirreġistra u tippubblika l-kodiċi.

7.   Fejn abbozz ta' kodiċi ta' kondotta huwa marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja li hi kompetenti skont l-Artikolu 55 għandha, qabel ma tapprova l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, tippreżentahom fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 63 lill-Bord li għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jipprovdux salvagwardji xierqa.

8.   Fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 7 tikkonferma li l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, jew, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jipprovdu salvagwardji xierqa, il-Bord għandu jippreżenta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi jew l-estensjonijiet approvati ppreżentati lilha skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

10.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-reklamar xieraq għall-kodiċijiet approvati li jkun ġie deċiż li għandhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9.

11.   Il-Bord għandu jiġbor il-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi u l-estensjonijiet kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku b'mezzi xierqa.

Artikolu 91

Regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data ta' knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi

1.   Fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, regoli komprensivi b'rabta mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità superviżorja indipendenti, li tista' tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu VI ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU X

Atti delegati u atti ta' implimentazzjoni


whereas

dal 2004 diritto e informatica