search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: 'awtorizzati' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas awtorizzati:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 662

 

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(2)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(3)

“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(4)

“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;

(5)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(6)

“sistema ta' arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(7)

“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(8)

“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;

(9)

“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru m'għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

(10)

“parti terza” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;

(11)

“kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b'mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta' dikjarazzjoni jew permezz ta' azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta' data personali relatata miegħu;

(12)

“ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor;

(13)

data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b'mod partikolari, minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

(14)

data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

(15)

data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta' persuna fiżika, inkluża l-provvista ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta' saħħitha;

(16)

“stabbiliment ewlieni” tfisser:

(a)

fir-rigward ta' kontrollur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni u dan l-istabbiliment tal-aħħar ikollu s-setgħa li jesiġi l-implimentazzjoni ta' tali deċiżjonijiet, u f'dan il-każ l-istabbiliment li jkun ħa tali deċiżjonijiet għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni;

(b)

fir-rigward ta' proċessur bi stabbilimenti f'aktar minn Stat Membru wieħed, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, jew, jekk il-proċessur ma jkollu l-ebda amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, l-istabbiliment tal-proċessur fl-Unjoni fejn isiru l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment tal-proċessur sa fejn il-proċessur ikun soġġett għal obbligi speċifiċi taħt dan ir-Regolament;

(17)

“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, maħtura bil-miktub mill-kontrollur jew mill-proċessur skont l-Artikolu 27, tirrappreżenta l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-obbligi rispettivi skont dan ir-Regolament;

(18)

“impriża” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, inkluż sħubiji jew assoċjazzjonijiet regolarment involuti f'attività ekonomika;

(19)

“grupp ta' impriżi” tfisser impriża li tikkontrolla u l-impriżi kkontrollati minnha;

(20)

“regoli korporattivi vinkolanti” tfisser politiki ta' protezzjoni tad-data personali li jiġu sodisfatti minn kontrollur jew proċessur stabbilit fit-territorju ta' Stat Membru għal trasferimenti jew sett ta' trasferimenti ta' data personali lil kontrollur jew proċessur f'pajjiż terz wieħed jew aktar fi grupp ta' impriżi, jew grupp ta' intrapriżi involuti f'attività ekonomika konġunta;

(21)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51;

(22)

“awtorità superviżorja kkonċernata” tfisser awtorità superviżorja li tkun ikkonċernata bl-ipproċessar ta' data personali peress li:

(a)

il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja;

(b)

is-suġġetti tad-data li jgħixu fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja jiġu affettwati sostanzjalment jew x'aktarx li jkunu ser jiġu affettwati sostanzjalment mill-ipproċessar; jew

(c)

ikun tressaq ilment quddiem dik l-awtorità superviżorja;

(23)

“ipproċessar transkonfinali” tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbilimenti f'iktar minn Stat Membru wieħed ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta' data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x'aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.

(24)

“oġġezzjoni rilevanti u motivata” tfisser oġġezzjoni għal abbozz ta' deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament, jew jekk azzjoni maħsuba fir-rigward tal-kontrollur jew il-proċessur tkunx konformi ma' dan ir-Regolament, li turi b'mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta' deċiżjoni rigward id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u fejn applikabbli, iċ-ċirkolazzjoni libera ta' data personali fi ħdan l-Unjoni;

(25)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(26)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.

KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 28

Proċessur

1.   Fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   Fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 48

Trasferimenti jew żvelar mhux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni

Kwalunkwe sentenza ta' qorti jew tribunal u kwalunkwe deċiżjoni ta' awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz li jirrikjedu li kontrollur jew proċessur jittrasferixxi jew jiżvela data personali ma jistgħu jkunu rikonoxxuti jew infurzabbli b'ebda mod ħlief jekk ikunu bbażati fuq ftehim internazzjonali, bħal trattat ta' assistenza legali reċiproka, fis-seħħ bejn il-pajjiż terz li qed jagħmel it-talba u l-Unjoni jew Stat Membru, mingħajr preġudizzju għal raġunijiet oħra tat-trasferiment skont dan il-Kapitolu.


whereas

dal 2004 diritto e informatica